Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Gareth Southgate jweġġa’ l-ispalla waqt ġirja ta’ 10km

(Ritratt: English FA)

Il-kowċ tat-tim nazzjonali Ingliż Gareth Southgate weġġa’ spalltu meta kien qed jiġri ħdejn il-bażi tat-tim Ingliż f’Repino. Il-plejers Ingliżi kellhom ġurnata mistrieħ mit-taħriġ, b’Southgate imur għal ġirja ta’ 10 kilometri fejn qal li kien fit-triq it-tajba biex jagħmel ħin rekord meta weġġa’ l-ispalla.

Southgate li għandu 47 sena, waqa’ u prova jżomm il-waqa’ b’idejh biex spiċċa żloga spalltu. Wara li kien qed jiġi mmedikat, Southgate b’ton ċajtier qal li probabbilment mhux se jkun qed jiċċelebra gowls b’mod atletiku fil-futur, b’referenza għall-gowl tar-rebħa tal-Ingilterra kontra t-Tuneżija.

Hu qal li t-tim mediku ġie malajr minkejja li suppost kienu qed jistrieħu, iżda kien hu li kkawżalhom li jaħdmu. Southgate faħħar ix-xogħol li jagħmlu u skuża ruħu li tappan il-ġurnata mistrieħ tagħhom.

Il-kowċ Ingliż irritorna fil-bażi tal-Ingilterra fil-ħin biex ikellem lill-plejers. Hu qal li l-plejers kienu ftit sorpriżi x’ħin rawh, iżda saħaq li aħjar kienu hu milli xi ħadd mill-plejers.