Francis Zammit Dimech jippreżenta l-proposti tal-Unions u l-SMEs dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-Parlament Ewropew
“Il-Learning Support Educators m’għandhomx iħallsu għal taħriġ obbligatorju. Dan mhux aċċettabbli. Jekk it-taħriġ huwa mandatorju u meħtieġ minn min iħaddem, jeħtieġ li jiġi pprovdut minn min iħaddem mingħajr spejjeż addizzjonali għall-ħaddiem. Naturalment jeħtieġ li jkun hemm garanzija li l-investiment magħmul fl-impjegat imbagħad jinħasad u li l-impjegat jagħti tul raġonevoli ta’ servizz għat-taħriġ mogħti.” Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech, li huwa r-Rapporteur tal-Grupp EPP dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol fil-Kumitat tal-Affarijiet Legali, għamel dawn ir-rimarki fil-Parlament Ewropew fi Brussell waqt diskussjoni dwar direttiva ġdida proposta mill-Kummissjoni li tfittex li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol madwar l-UE.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, Zammit Dimech iltaqa’ ma’ unions varji li jirrappreżentaw ħaddiema u rappreżentanti ta’ negozji u intrapriżi żgħar, medji u micro biex jisma’ t-tħassib u l-proposti tagħhom dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Matul il-laqgħa, Adrian Casha mill-Unjoni tal-Cabin Crew (AirMalta) irrimarka li l-linja tal-ajru kienet impenjat ruħha f’prattika li ma tinvolvix kandidati prospettivi wara li tobbligahom iwettqu kors obbligatorju li l-kandidati jridu jħallsu għalih huma nfushom. Id-dritt ta’ taħriġ obbligatorju mingħajr spejjeż ġie enfasizzat ukoll minn Josef Vella mill-UHM – Voice of the Workers.
Josef Vella tkellem ukoll dwar il-fatt li xi ħaddiema kienu qed imorru għand il-union għall-assistenza iżda ma kellhom l-ebda kuntratt x’juru. Huwa enfasizza li dan kien ta’ detriment għall-ħaddiema. Joe Farrugia mill-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem ta’ Malta (MEA) qabel li dawk kollha li jħaddmu kellhom jirregolaw ir-relazzjoni tagħhom mal-impjegati permezz ta’ kuntratt ta’ impjieg minħabba li dan jista’ jirriżulta wkoll f’li jesponi lil min iħaddem għal numru ta’ riskji.
Matul il-laqgħa, Joseph Bugeja mill-GWU irrimarka li ż-żmien għadda għal kuntratti magħrufin bħala zero hour (tip ta’ kuntratt bejn min iħaddem u ħaddiem, fejn min iħaddem mhux obbligat li jipprovdi sigħat tax-xogħol minimi, filwaqt li l-ħaddiem mhux obbligat jaċċetta kwalunkwe xogħol offrut) minħabba li dawn jistgħu jwasslu għal kundizzjonijiet prekarji. Min-naħa l-oħra, f’dokument ippubblikat, l-MEA argumentat li tali kuntratt jista’ jgħin biex jiżdiedu n-nisa u l-pensjonanti biex jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol Malti. Matul il-laqgħa r-rappreżentant tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SHPN) Ivan Castillo argumenta li kien hemm bżonn ta’ iktar ċarezza dwar il-prevedibbiltà tax-xogħol u għalhekk fuq il-ħinijiet tax-xogħol imposti barra l-ħinijiet tax-xogħol.
Diġà għaddejjin diskussjonijiet dwar l-impjieg parallel, il-possibbiltà li jsiru aktar minn impjieg wieħed kull darba u fuq il-perjodu ta’ probation bi proposti attwali li jvarjaw minn 3 xhur sa 6 xhur. Fil-każ ta’ Malta l-perjodu ta’ probation ta’ 6 xhur jew sena kien ġustifikat minħabba n-natura tax-xogħol. F’dokument, l-Malta Business Burea (MBB) esprima li dan għandu jiġi deċiż fil-livell tal-Istat Membru. Matul il-laqgħa, Sandro Camilleri mill-Police Officers’ Union tkellem dwar l-importanza li jiġi żgurat ambjent tax-xogħol bla periklu. Zammit Dimech ħa din l-opportunità biex jesprimi solidarjetà ma’ PC Simon Schembri li kien imweġġa’ serjament waqt li kien fuq xogħlu.
Zammit Dimech issa se jressaq għadd ta’ emendi biex jiżgura li l-opinjonijiet tal-istakeholders Maltin u Għawdxin jkunu riflessi fit-test propost mill-Kummissjoni Ewropea.
//= $special ?>MEP @FrancisZD speaks against the fact that LSEs are asked to pay for mandatory training. "Both employers and employees agree that this is unacceptable", said Zammit Dimech during @EP_Legal. pic.twitter.com/NNtNYEHZh1
— EPP_MT (@EPP_MT) June 21, 2018