Id-diffikultà li wieħed isib akkomodazzjoni li jaffordjaha hi waħda mill-akbar diffikultajiet li jsibu ma’ wiċċhom dawk li jattendu għal programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, organizzat mill-Caritas.
F’diskors, waqt iċ-ċerimonja ta’ gradwazzjoni għal dawk li jlestu l-programm b’suċċess, id-Direttur tal-Caritas Leonid McKay wissa li llum, il-prezzijiet tal-akkomodazzjoni għolew ħafna.
Min-naħa l-oħra, hu dritt għal kulħadd li jkollu akkomodazzjoni li jkun jista’ jaffordjaha. Għaldaqstant, appella biex l-Istat jissalvagwardja dan id-dritt prinċipali ta’ kull bniedem.
McKay irrikonoxxa li l-proċess biex wieħed jirkupra mill-vizzju tad-droga hu tqil u twil, tant li l-Caritas tibqa’ ssegwi lil dak li jkun sa madwar sentejn minn meta jkun lesta l-programm ta’ rijabilitazzjoni.
Tant hu hekk li, meta wieħed ilesti programm residenzjali, ma jfissirx li l-problemi jkunu spiċċaw għalkollox. Kien f’dan l-istadju li semma’ d-diffikultà li qed tinstab għal kiri diċenti ta’ propjetajiet.
Waqt l-attività, li matulha ggradwaw seba’ rġiel u tliet nisa, id-Direttur tal-Caritas irrefera wkoll għad-dibattitu li għaddej bħalissa fil-pajjiż għal-legalizzazzjoni tal-ħaxixa b’mod rikreattiv.
Hu qal li dan is-suġġett għandu jittieħed bis-serjetà anke għax il-ħsara minnha taqbeż sew lill-vantaġġi.
Filwaqt li qal li l-Caritas taqbel mal-għoti tal-ħaxixa medikali lil persuni li għandhom kundizzjonijiet parikolari, Leonard McKay tenna l-pożizzjoni qawwija kontra l-ħaxixa għall-użu rikreattiv.
Sadanittant, waqt l-attività li attendew għaliha l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u martu Nickie Vella de Fremaux, ingħatat tislima lil Charles Miceli, li għal numru ta’ snin mexxa l-programm tal-Caritas b’risq il-ħabsin u li miet f’Marzu li għadda.
//= $special ?>

