Eluf ta’ nassaba se jispiċċaw ma’ jistgħux jipprattikkaw id-delizzju tagħhom minħabba d-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern u li minħabba fihom il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li twaqqaf l-insib.
Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa illum b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.
L-istqarrija tgħid illi l-wegħdi tal-Gvern lin-nassaba spiċċaw biss wegħdi fiergħa għaliex il-Gvern ma’ ssodisfax il-kundizzjonijiet skont id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar, li tippermetti deroga għal numru zgħir ta’ għasafar. Aktar minn hekk b’dak li għamel il-Gvern Laburista fl-2014 u fl-2015 spiċċa biex tellef id-delizzju tal-insib lin-nassaba u tellef kawża bl-ispejjeż b’kollox lill-poplu Malti.
Il-Gvern ħoloq sistema b’numru ta’ għasafar għal kull nassab, sistema li saret mingħajr konsultazzjoni. Dan għaliex saret mingħajr pjan fit-tul u mingħajr serjetà għax tinjora kompletament ir-rapporti li saru dwar il-popolazzjoni tal-għasafar. Il-Gvern qal li se kienu se jinqabdu 27,000 għasfur u fl-istess hin ħareġ liċenzji għal 40,000 għasfur.
Dan meta l-Gvern jaf li d-Direttiva Ewropea titlob li jkun hemm monitoraġġ tal-popolazzjoni tal-għasafar sabiex tkun tista’ tidħol fis-seħħ deroga. Minflok għażel li jisfida l-Kummissjoni Ewropea u rema l-prinċipju tal-applikazzjoni tad-deroga.
Issa li ntilfet il-kawza minħabba r-ras iebsa tal-Gvern, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jappella għal djalogu serju mal-Kummissjoni Ewropea u man-nassaba biex insibu mod kif l-insib ikun possibbli b’mod sostenibbli u li jsir permezz ta’ pjan serju li ma jiksirx il-ħarsien tad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar filwaqt li ma jiġbidx aktar kundanni lejn Malta li minnhom jispiċċa jbati kulħadd.
L-istqarrija kienet mibgħuta mid-deputati nazzjonalisti Jason Azzopardi u Edwin Vassallo.
//= $special ?>