Internazzjonali

Mart il-Prim Ministru Iżraaeljana akkużata bi frodi

Sara Netanyahu

Sara Netanyahu, mart il-Prim Ministru Iżraeljan, kienet akkużata formalment bi frodi u ksur tal-fiduċja tal-pubbliku fl-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-każ jikkonċerna ordnijiet ta’ ikel minn restoranti għar-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru. Ordnijiet li mhux suppost saru skont ir-regoli Iżraeljani peress li fir-residenza kien hemm impjegat kok. Dan apparti li bagħbsu l-karti biex ma jinqabdux. Kien sar sforz biex tkun evitata l-qorti. Imma Sara Netanyahu rrifjutat li tħallas l-ammont li kien intefaq. Flimkien ma’ Sara Netanyahu kien mixli wkoll Ezra Saidoffleks, deputat direttur tal-uffiċċju tal-Prim Ministru. Huma kienu akkużati li bejn l-2010 u l-2013 ordnaw ikel għall-valur ta’ madwar 100,000 ewro. Għalkemm il-Prim Ministru mhux implikat fil-każ, l-akkużi kontra martu jistgħu jaffettwawh ukoll, partikolarment wara li anki hu kien implikat f’xi skandli. Fi Frar, il-Pulizija Iżraeljanan irrakkomandat li Benjamin Netanyahu jiġi mixli minħabba żewġ każi ta’ korruzzjoni. Huwa qed ikun ukoll investigat fit-tielet każ ta’ korruzzjoni, u xi wħud mill-ajjutanti ewlenin tiegħu qed ikunu akkużati f’każ ieħor. Dwar dan il-każ, Netanyahu kien interrogat mill-Pulizija l-ġimgħa li għaddiet.