Internazzjonali

Qorti fil-Korea t’Isfel tiddikjara l-qtil tal-klieb għal ikel illegali

Qorti fil-Korea t’Isfel iddeċidiet li l-qtil tal-klieb għall-ikel kien illegali. Il-laħam tal-klieb ilu żmien twil parti mill-kultura tal-Korea t’Isfel u kull sena hu stmat li jinqatlu mal-miljun kelb għall-ikel.

Imma dan l-aħħar, speċjalment wara kampanji li saru minn dawk li jħobbu l-annimali, il-konsum naqas u l-Koreani qed iqisu l-kelb aktar bħala pet milli bħala ikel. Id-deċiżjoni tal-qorti ġejja minn rikors li għamel is-sena li għaddiet il-grupp għall-ħarsien tal-annimali, CARE, kontra sid razzett tal-klieb f’Bucheon. Il-qorti ddeċidiet li l-konsum tal-klieb bħala ikel ma kienx jiġġustifika legalment il-qtil tal-klieb.

Huwa kien immultat madwar 3,000 ewro. Il-verdett kien ħareġ f’April imma sar pubbliku biss issa. Kim Kyung-eun, avukat tal-CARE, qalet li din id-deċiżjoni kienet sinifikanti ħafna u kienet l-ewwel darba li qorti fil-Korea t’Isfel iddikjarat il-qtil tal-klieb biex jittieklu bħala illegali.

Intqal li dan witta t-triq biex il-konsum tal-laħam tal-klieb ikun iddikjarat illegali. Issa Park So-youn, il-kap tal-CARE, qal li l-grupp kien se jagħmel lista tal-irziezet tal-klieb fil-pajjiż biex jieħdu passi l-qorti anki kontrihom.

Apparti minhekk, membru Parlamentari mill-Partit Demo-kratiku, li jinsab fil-Gvern, introduċa abbozz ta’ liġi fil-Parlament li effettivament iwaq-qaf il-qtil tal-klieb biex ikunu kkunsmati bħala ikel.