Id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja wasslet għal diversi reazzjonijiet.
Fost l-oħrajn, l-għaqda BirdLife Malta f’konferenza tal-aħbarijiet appellat lill-Gvern biex isegwi d-deċiżjoni u jaġixxi skont dak mitlub lilu mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
L-għaqda qalet li ilha tiġbed l-attenzjoni tal-Gvern li d-deroga mogħtija mill-Unjoni Ewropea ma setgħetx tiġi applikata, fost l-oħrajn b’nuqqas ta’ superviżjoni kif suppost mill-awtoritajiet lokali. Dan issa kien ikkonfermat ukoll mill-Qorti fid-deċiżjoni tagħha.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-uffiċjali tal-għaqda, BirdLife Malta qalet li din hi rebħa għan-natura, filwaqt li appellat biex l-ambjent naturali jingħata prijorità. Min-naħa l-oħra, il-lobby ta’ min jispara għandu jieqaf jimponi fuq il-politiċi.
Min-naħa tagħha, il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), sejħet din id-deċiżjoni inġusta, diskriminatorja u preġudikata. Fl-istess waqt qalet li se tkun qed taħdem biex in-nuqqasijiet imsemmija fid-deċiżjoni jiġu rranġati, bit-tama li tkun applikata deroga korretta fil-futur.
L-FKNK qalet li se tkun qed tgħin lill-awtoritajiet biex jiddiskutu minnufih mal-Kummissjoni Ewropea ħalli meta terġa’ tapplika d-deroga f’Ottubru li ġej, pajjiżna jkun konformi u b’hekk ikunu evitati kawżi, spejjeż u ħela ta’ ħin għal kulħadd.
Fi stqarrija, il-Federazzjoni ma eskludietx azzjonijiet futuri biex, fi kliemha, tissalvagwardja l-insib tal-għasafar tal-għana b’rispett lejn id-diversità tal-kulturi.
Min-naħa tiegħu l-Gvern, permezz tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri, baqa’ ma eskludiex li jerġa’ japplika għal deroga oħra dwar l-insib. Dan minkejja li rrikonoxxa li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja mhix appellabbli.
U minkejja li l-Qorti Ewropea waslet għall-konklużjonijiet tagħha minħabba nuqqasijiet u negliġenzi min-naħa tal-Gvern, is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-Gvern ma għamel xejn illegali, iżda kellu kull dritt juża’ d-deroga.
B’kuntrarju, l-Alternattiva Demokratika, qalet li d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tikkonferma l-mod kif il-Gvern daħaq bin-nassaba.
U l-għaqda CABS, li timmonitorja l-passa tal-għasafar, innotat kif is-sentenza tal-Qorti Ewropea turi li l-pjan tal-Gvern Laburista għall-insib kien illegali peress li fl-applikazzjoni tad-deroga wettaq ħafna irregolaritajiet bi ksur tar-regoli.
Il-President tal-CABS Heinz Schwarze laqa’ b’sodisfazzjon din id-deċiżjoni għax qal li fl-aħħar, l-istituzzjonijiet Ewropej urew snienhom mal-pjan tal-Gvern. L-għaqda qalet li qed issaħħaħ ir-riżorsi tagħha biex tara li waqt il-passa ta’ Ottubru u Novembru ma jsirux illegalitajiet minn pajjiżna.
Ir-reazzjoni tal-Partit Nazzjonalista
//= $special ?>In-nassaba mċaħħda mid-delizzju tal-insib minħabba deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern