Knisja Kultura Lokali

FILMAT: Suppost beda s-Sajf; ħsarat fl-armar tal-festa ta’ San Ġorġ

Il-ħsara hi saħansitra akbar minn dik li kkawżat ix-xita ta' ftit snin ilu

Fil-jum li fih suppost tajna bidu b’mod uffiċjali għall-istaġun tas-Sajf, pajjiżna spiċċa milqut minn maltempata li ġabet magħha ammont kbir ta’ xita.

Nies li tkellmu magħna qalulna li l-aktar affetwati huma lokalitajiet fiċ-ċentru ta’ Malta.

Il-maltemp ikkawża ukoll ħsarat fl-armar tal-festa ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi illi din il-ġimgħa tinsab fl-aqwa tagħha.

Minkejja li diversi statwi u anġli ġew mgħottija bħala prekawzjoni, jidher illi xorta hemm ħsarat konsinerevoli fid-dekorazzjonijiet tal-festa. Kelliem għall-Kumitat Festi Esterni qalilna li l-ħsara hi saħansitra akbar minn dik li ikkawżat ix-xita sentejn ilu – u diġa’ qed jaħsbu biex issir ġabra speċjali ħalli jissewwew il-ħsarat.

Ħsarat ukoll għall-Għaqda tan-Nar 23 t’April illi f’dawn il-ġranet qed tħejji għall-ispettaklu tal-weekend li ġej għall-festa ta’ San Ġorġ.

Apparti Ħal Qormi, anke fis-Siġġiewi fejn qed tiġi ċċelebrata l-festa ta’ San Nikola saret ħsara lill-armar tat-toroq.

Intant, fuq il-media soċjali qed iduru diversi filmati tal-effett tal-maltemp, inkluż f’zoni bħall-Imrieħel.