Internazzjonali

Summit tal-UE dwar l-immigrazzjoni

Tħabbar li l-Ħadd li ġej se jkun qed isir summit żgħir tal-Unjoni Ewropea biex tipprova tindirizza l-kriżi tal-immigrazzjoni, partikolarment il-liġi għall-kenn. Għal dan is-summit intalbu jattendu l-mexxejja tal-Italja, il-Greċja, il-Ġermanja, Franza, Spanja, il-Bulgarija, l-Awstrija u Malta. Dan wara laqgħa li kien hemm bejn il-President Franċiż Emmanuel Macron u l-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel.
Il-Ħamis imbagħad se ssir laqgħa ta’ dak magħruf bħala l-Grupp ta’ Visegrad – l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka – u li adottaw linja iebsa kontra l-immigrazzjoni. Għal-laqgħa se jkun qed jattendi wkoll il-Kanċilleir Awstrijak Sebastian Kurz, li ħeġġeġ l-għaqda bejn l-Awstrija, il-Ġermanja u l-Italja kontra l-immigrazzjoni.
Sadattant fl-Italja, Giuseppe Conte, il-Prim Ministru Taljan, qal li kien kontra l-Kostituzzjoni li n-nies jiġu ddeportati mill-pajjiż skont il-grupp etniku li jkunu ġejjin minnu. Dan wara li Matteo Salvini, il-Viċi Prim Ministru kif ukoll Ministru tal-Intern, qal li ried jibda ċensiment taż-żingari, ir-Roma, fl-Italja u min ma kellux dritt jibqa’ fl-Italja kien se jitkeċċa. Salvini min-naħa tiegħu qal li filwaqt li ċ-ċensiment kien se jsir, dan bħalissa ma kienx prijorità.