Il-President Amerikan Donald Trump, l-Erbgħa iffirma ordni eżekuttiva biex ma tkomplix is-separazzjoni tat-tfal mill-ġenituri immigranti.
Dan hekk kif ma battewx il-polemika u l-kundanna għall-politika l-ġdida tal-Gvern Amerikan li t-tfal ta’ dawk li jinqabdu diħlin fl-Istati Uniti illegalment jiġu separati mill-ġenituri.
Saħansitra mart il-President, Melania Trump, esprimiet id-dwejjaq tagħha għal dan. Il-Papa Franġisku esprima l-appoġġ tiegħu għall-isqfijiet Amerikani li qalu li dan l-aġir kien “immorali”.
Il-Kungress Amerikan, li hu ddominat mir-Repubblikani, hu taħt pressjoni kbira biex ibiddel din il-prassi u xi Repubblikani qed ifasslu abbozz ta’ liġi biex jindirizzaw il-kritika li qed issir.
Trump, min-naħa tiegħu, qal li kien se jappoġġja kwalunkwe abbozz li jippreżentaw ir-Repubblikani.
F’dawn l-aħħar ġranet feġġew diversi filmati ta’ tfal miżmuma f’gaġeġ kbar qrib il-fruntiera Messikana, b’ħafna minnhom jibku għall-ġenituri tagħhom.
Dan seħħ wara linja ta’ ‘tolleranza zero’ fuq l-immigrazzjoni illegali li ddaħħlet mill-Avukat Ġenerali Jeff Sessions.
Xi uffiċjali Amerikani qalu li bejn il-5 ta’ Mejju u d-9 ta’ Ġunju kienu separati 2,342 tifel u tifla minn 2,206 ġenitur.
Trump iwaqqaf is-seperazzjoni tat-tfal mill-ġenituri immigranti


