Edukazzjoni Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Erasmus: Zammit Dimech jinsisti għal aktar fondi u opportunitajiet għaż-żgħażagħ, l-istudenti u l-isports

“Iż-żgħażagħ u l-istudenti għadhom jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi biex jipparteċipaw fi programmi ta’ mobilità. Għalhekk, l-istrateġiji ta’ mobilità u ta’ internazzjonalizzazzjoni jeħtieġu jindirizzaw sfidi bħal dawn. Filwaqt li l-irduppjar tal-baġit tal-Erasmus huwa pass tajjeb, aħna qed inħeġġu biex inżidu l-baġit eżistenti tal-Erasmus bi tliet darbiet biex jgħin lill-istudenti, żgħażagħ u nies sportivi jgħaddu din l-esperjenza pożittiva.” Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki waqt it-tnedija tal-pubblikazzjoni Bologna With Students Eyes, li tħares lejn diversi aspetti edukattivi inklużi l-mobilità, il-kwalità tal-edukazzjoni, id-dimensjoni soċjali u l-iffinanzjar tal-edukazzjoni.
 
Zammit Dimech fakkar kif skont id-dokument tal-politika Bologna With Students Eyes kien hemm progress minimu fl-UE fir-rigward tal-mobilità. Id-dokument jgħid li l-problemi rrappurtati fl-2012 għadhom qed jiġu ffaċjati mill-istudenti. Huwa fakkar kif l-istudenti f’Malta għadhom qed jiffaċċjaw burokrazija u dewmien fil-fażi tal-applikazzjoni u r-rikonoxximent ta’ studji mwettqa f’istituzzjonijiet edukattivi oħra.

Aktar kmieni din il-ġimgħa waqt laqgħa tal-Kumitat għall-Kultura, l-Edukazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport, Zammit Dimech enfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-baġit tal-Erasmus jiżdied mill-inqas tliet darbiet. Huwa żied ukoll li l-programm jeħtieġ li jkun aktar inklużiv u l-involviment kellu jmur lil hinn mill-marka tal-edukazzjoni terzjarja attwalment assoċjata mal-Erasmus. F’dan ir-rigward, hu rrakkomanda żieda fil-finanzjament għall-isport peress li bosta żgħażagħ jirrelataw aktar mal-isports milli mal-qasam akkademiku. Huwa ssuġġerixxa wkoll li l-programm jeħtieġ li jimmira lejn gruppi vulnerabbli mhux biss dawk li joffru l-parteċipazzjoni fil-programm.
 
Għall-baġit fit-tul tal-UE 2021-2027, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li tirdoppja l-iffinanzjar għal Erasmus għal €30 biljun li se jappoġġjaw sa 12-il miljun ruħ bejn l-2021 u l-2027 – tliet darbiet daqs il-perjodu ta’ finanzjament attwali.