Lokali Unjoni Ewropea

Farage jallega rabta bejn il-bejgħ tal-visas fil-Libja minn Uffiċjal f’Kastilja u l-ISIS

Allegazzjonijiet li l-bejgħ ta’ visas fil-Libja minn uffiċjal f'Kastilja jista’ jkun li wassal għal numru ta’ terroristi tal-ISIS jiksbu l-permess biex jidħlu f’żoni Schengen minn Malta

Il-Membru Parlamentari Ewropew Brittanniku Nigel Farage staqsa kemm hemm segwaċi tal-grupp terroristiku ISIS li daħlu fl-Ewropa grazzi għal uffiċjal f’Kastilja li jinsab akkużat li biegħ eluf ta’ visas għall-aċċess fl-Unjoni Ewropea fil-Libja.

Din il-mistoqsija qamet wara li ħarġet pubblika allegazzjoni ta’ frodi ta’ visas mediċi fil-Libja mill-Konsolat Malti fi Tripli – b’total li jilħaq sa 88,000 visa mibjgħuha.

Il-ġimgħa li għaddiet quddiem il-Qorti f’Malta sar magħruf li hemm ħames Libjani lesti li jixhdu u jagħtu t-testimonjanza tagħhom dwar flejjes li ntalbu minn uffiċjal f’Kastilja, Neville Gafa, sabiex tinħarġilhom il-visa.

Ir-rekording li ġie ppubblikat mal-Libjani li jridu jitkellmu dwar l-allegata frodi ta’ Neville Gafa:

Iżda mhuwiex biss Farage li qed isegwi dan l-allegat bejgħ illegali ta’ visas minn uffiċjal f’Kastilja fil-Libja – anke l-Ewroparlamentari Slovakk u ċ-Chairman tal-Moviment Politiku Ewropew Kristjan, Branislav Skripek.

Skripek qal li hu jemmen li l-Gvern Malti u l-Pulizija qed jippruvaw jaħbu dan il-każ mifni illegalitajiet. Dan filwaqt li enfasizza li hu possibbli li minn dan il-bejgħ ta’ visas fil-Libja jista’ jkun li numru ta’ terroristi tal-ISIS kisbu l-permess biex jidħlu f’żoni Schengen u b’hekk ikollhom aċċess biex jidħlu f’numru ta’ pajjiżi Ewropej.

Waqt id-diskors tiegħu fil-Kumitat Parlamentari tal-Unjoni Ewropea dwar id-drittijiet ċivili, ġustizzja, u l-intern – saħansitra saret referenza għall-possibilita’ li qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia hu marbut ma’ dan il-każ.

Aqra aktar:

FILMAT: Allegazzjonijiet serji ta’ frodi minn Kastilja fil-ħruġ tal-Visas

FILMAT: L-iskandlu tal-Visas jispiċċa fil-programm Porta a Porta