Żewġ gowls fil-ħin miżjud skurjati minn Coutinho u Neymar kienu biżżejjed għal Brazil biex tegħleb 2-0 lil Costa Rica. Dominju assolut mill-Brażil matul l-ewwel taqsima, bid-difiża ta’ Costa Rica mmexxija minn Giancarlo Gonzalez u David Guzman b’ xi mod jirnexxielha żżomm l-iskor intatt u fl-istess waqt Navas rari ġie impenjat mill-attakkanti Brażiljani.
L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess bid-differenza li żdiedet il-pressjoni minn Brazil b’Douglas Costa jieħu post Willian u fit-68 minuta Roberto Firmino ħa post Paulinho. Fil-50 minuta Gabriel Jesus bir-ras laqat il-mimduda u mill-istess azzjoni kien Coutinho li kellu x-xutt imblukkat.
Fis-57 minuta Neymar kien għoddu poġġa lil Brażil fil-vantaġġ, madankollu save mill-isbaħ minn Keylor Navas żamm l-iskor 0-0. Fit-72 minuta, kien mill-ġdid Neymar li daħal tajjeb iżda x-xutt minn barra l-kaxxa spiċċa fuq il-mimduda.
Fit-78 minuta azzjoni bejn Douglas Costa u Firmino lejn Neymar li waqa’ fi dwell ma’ Gonzalez. Ir-referee Olandiż Bjorn Kuipers l-ewwel saffar penalty biex wara li kkonsulta l-VAR biddel id-deċiżjoni.
Il-pressjoni kibret biex eżatt kif beda l-ħin miżjud, foul ta’ Venegas fuq Miranda, mill-azzjoni wara l-free-kick, Gabriel Jesus niżżel fejn daħal pront COUTINHO li għadda l-ballun taħt saqajn Navas għal vantaġġ Brażiljan. Sitt minuti fil-ħin miżjud, il-Brażil irduppjat b’assist ta’ Douglas Costa, lejn NEYMAR li ma kellux problema biex jixħet fix-xibka.
//= $special ?>