Bħala parti mill-Festival Sajfi tal-Ktieb f’Għawdex, Inizjamed flimkien mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb se tkun qed torganizza Palk Ħieles, għada, is-Sibt, 23 ta’ Ġunju fil-5pm fis-Sala tal-Eżebizzjonijiet, il-Ministeru ta’ Għawdex li jinsab fi Pjazza San Franġisk, fil-kapitali ta’ Għawdex.
La l-vapur ta’ Għawdex ma jirristrenġix id-daqs tal-bagalji, Inizjamed se ġġorr magħha il-passjoni kollha li għandha lejn il-letteratura, u għalhekk se toffri spazju għal kull min jixtieq jaqsam xi bċejjeċ letterarji mal-udjenza. Wieħed jista’ jaqra xi poeżija, storja, jagħmel xi stand up, jgħid xi ċajta, ikanta kanzunetta oriġinali jew jesprimi dak li jaħseb jista’ jkun interessanti għall-udjenza. Jew sempliċiment jaqla’ xi ħaġa minn fuq l-istonku, jew mill-pitazz tiegħu.
L-interventi jistgħu jkunu bi kwalunkwe djalett jew lingwa. Anzi, aħna mhux naċċettaw djaletti u lingwi differenti, imma nilqgħuhom b’idejna t-tnejn beraħ. Daqslikieku Malta u Għawdex jistgħu jingħaqdu mhux b’mina imma bit-tgħanniq!
//= $special ?>