Il-Kap tal-Partit Soċjal Demokratiku (PSD) fil-Gvern spiċċa kkundannat il-ħabs, bil-verdett ikun daqqa ta’ ħarta għall-amministrazzjoni f’Bucharest.
Dragnea hu kunsidrat bħala l-aktar politiku b’saħħtu u influwenti fir-Rumanija. Intant, hu insab ħati dwar abbuż ta’ poter, fejn weħel sentenza ta’ tliet snin u nofs ħabs bħala l-verdett inizjali, u wara li hu kien ipproċessat dwar il-korruzzjoni. Sadanittant, Dragnea mistenni li jappella mis-sentenza.
Il-prosekuturi fil-każ ta’ Dragnea qalu li hu, fi żmienu bħala uffiċjal tal-Gvern, kien intervjena ‘bejn l-2008 u l-2010’ bil-ħsieb li żewġ nisa jibqgħu jieħdu salarju mingħand aġenzija għall-ġid soċjali minkejja li huma kienu impjegati mill-partit tiegħu.In-nisa ammettew li kienu qed jaħdmu għall-partit ta’ Dragnea, minkejja li huma kienu qegħdin jitħallsu mill-aġenzija inkwistjoni.
L-aħbar dwar il-kundanna ta’ Liviu ntlaqgħet b’dimostrazzjonijiet ta’ ferħ mill-folol li pakkjaw il-kapitali fost it-tixjir tal-bnadar nazzjonali. Fl-aħħar ġimgħat, it-toroq ta’Bucharest kienu mimlijin b’għexieren ta’ eluf ta’ dimostranti, li ħarġu b’appoġġ għall-Gvern inkella biex jipprotestaw kontra ‘il-korruzzjoni istituzzjonalizzata’ fil-pajjiż.
Il-President tar-Rumanija, Klaus Iohannis, sadanittant, appoġġja lill-Kap tad-Direttorat Nazzjonali għal Kontra l-Korruzzjoni filwaqt li sfida lill-istruzzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali biex jitkeċċa l-kap prosekutur.
Madankollu, il-kundanna ta’ Dragnea x’aktarx li żżid it-tensjoni politika fir-Rumanija, fejn il-PSD qed iħejji inizjattiva għall-impeachment tal-President Iohannis, li jgawdi l-appoġġ tal-Oppożizzjoni f’Bucharest.Il-PSD qed iħejji wkoll il-miżuri għat-tkeċċija tal-Kap tad-Direttorat Nazzjonali għal Kontra l-Korruzzjoni, li, bħala entità uffiċjali, ikkundanna lil mijiet ta’ politiċi u uffiċjali, f’dawn l-aħħar snin.
//= $special ?>

