Lokali

Il-President ta’ Malta u l-Kap tal-Oppożizzjoni bl-istess argumenti kontra l-politika ta’ Joseph Muscat li jiffriża l-embrijuni

“Il-liġi li daħlet l-iffriżar tal-embrijuni hi l-oppost tal-missjoni ewlenija ta’ kull min hu fil-politika; dik li jħares u jtejjeb il-qafas tas-soċjetà – il-liġi issa tmur kontra l-isem tagħha stess għaliex l-embrijun issa m’għadux protett.” Dan kien il-kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia b’reazzjoni għall-emendi li daħħal il-gvern Laburista għall-att dwar il-protezzjoni tal-embrijuni.

L-istess sentiment preċiż tlissen mill-President ta’ Malta Marie Loise Coleiro Preca li f’ittra mibgħuta lill-Parlament hija saħqet li għalkemm kostretta tiffirma din il-liġi hija qalet li l-fibra morali tal-Istat Malti se tkompli titmermer bit-telfien tar-rispett lejn il-ħajja umana fl-istadji kollha tagħha.

Kemm il-Partit Nazzjonalista mmexxi mill-Kap Adrian Delia u kif ukoll il-President ta’ Malta qed jitkelmu bl-istess mod dwar il-ħarsien tal-ħajja, mill-bidu sat-tmiem. 

Kemm Adrian Delia, f’isem il-PN, u kif ukoll Marie Loise Coleiro Preca ddikjaraw li kull bniedem, anki fi stat embrijoniku, ma għandu qatt jiġi użat bħala oġġett, jew li intenzjonalment jitpoġġa f’riskju, li ħajtu ma titkomplix tiżviluppa.

Kemm il-Kap Nazzjonalista kif ukoll il-President ta’ Malta qalu li l-isfida tas-soċjetà Maltija llum il-ġurnata, hi li nħarsu d-dgħajjef, lil dak bla vuċi, bla leħen, u li dan it-twemmin ma jinsabx f’dawn l-emendi.

Il-Partit Nazzjonalista żamm l-istess pożizzjoni tiegħu, baqa’ konsistenti dwar din id-deċizzjoni.

Minkejja l-freevote li ta Adrian Delia lil Membri Parlamentari Nazzjonalisti, il-Partit Nazzjonalista, immexxi mill-Kap Adrian Delia, ivvotaw kollha kontra għax ma qablux mal-emendi imposti mill-Gvern Laburista. Dan għaliex il-persuni f’forma ta’ embrijuni llum m’għadhomx protetti kif kienu qabel.

Kemm il-President ta’ Malta kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia semgħu minn dak li qalu mijiet ta’ professjonisti u attivisti favur il-ħajja, iżda Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu injoraw l-esperti u dawk kollha li ħarġu jipprotestaw fit-toroq bi ħġarhom.

Il-Partit Nazzjonalista żamm l-istess pożizzjoni tiegħu, baqa’ konsistenti dwar din id-deċizzjoni. Min-naħa l-oħra, il-President ta’ Malta, għalkemm il-pożizzjoni tagħha kienet identika ma’ dik tal-Partit Nazzjonalista, hija spjegat li kellha taġixxi mod ieħor.