Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Rebħa għan-Niġerja li tagħmel Grupp D aktar eċċitanti

Ahmed Musa jiċċelebra wara li skorja l-ewwel gowl (Ritratt: EPA)

In-Niġerja kisbet l-ewwel rebħa fi Grupp D u telgħet fit-tieni post b’rebħa ta’ 2-0 fuq l-Iżlanda. Partita li fl-ewwel taqsima kienet nieqsa mill-azzjonijiet iżda l-partita nbidlet mal-ewwel gowl tan-Niġerja.

L-Iżlanda fetħet fuq l-offensiva u fit-tielet minuta free-kick ta’ Gylfi Sigurdsson ġie mdawwar f’korner minn Francis Uzoho. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Alfred Finnbogasson naqas li jantiċipa d-difiża minn free-kick ta’ Sigurdsson.

In-Niġerja marret minn fuq fid-49 minuta kontra x-xejra tal-logħob. F’kontrattakk veloċi, Kenneth Omeru qassam lejn Victor Moses li avvanza fuq il-lemin u krossja lejn AHMED MUSA li kkontrolla b’mod impekkabbli u għeleb lil Halldorsson b’konklużjoni tajba.

Ir-reazzjoni tal-Iżlanda kienet fjakka għajr xutt ta’ Gislason fit-68 minuta li minn barra l-kaxxa xeħet barra. Fit-73 minuta kien Leon Belogun li minn azzjoni ta’ korner falla bir-ras biex fl-74 minuta n-Niġerja għamlet l-iskor 2-0 b’AHMED MUSA l-ewwel jolqot il-mimduda u f’anqas minn minuta b’azzjoni personali għamel l-iskor 2-0 għan-Niġerja.

L-Iżlanda setgħet daħlet fil-logħba fit-82 minuta, b’Finnbogason jitwaqqa’ fil-kaxxa minn Tyrone Ebuehi. Ir-referee Matthew Conger ordna penalty wara konsultazzjoni mal-VAR. Mill-11-il metru nkariga ruħu Gylfi Sigurdsson li għeleb lil Uzoho iżda x-xutt tiegħu għadda għoli.