Lokali

It-Tempji ta’ Ħaġar Qim jingħataw l-ogħla unur minn TripAdvisor u jiddaħħlu fil-Hall of Fame

It-Tempji ta’ Ħaġar Qim, li huma nklużi fil-lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO, ingħataw l-ogħla unur minn TripAdvisor, it-Travellers’ Choice Award. Dawn it-tempji ddaħħlu wkoll fil-Hall of Fame ta’ l-ikbar sit elettroniku fid-dinja ddedikat lill-ivvjaġġar wara li ngħataw iċ-Ċertifikat t’Eċċellenza għal ħames sena konsekuttiva.

It-Tempji ta’ Ħaġar Qim kienu fost disa’ siti jew mużewijiet ta’ Heritage Malta li ngħataw Ċertifikat t’Eċċellenza. Il-lista tinkludi wkoll lill-Forti Sant’Anġlu, l-Forti Sant’Iermu-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra, it-Tempji tal-Ġgantija, l-Ipoġew ta’ Ħal Saflieni, it-Tempji tal-Imnajdra, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Katakombi ta’ San Pawl u t-Tempji ta’ Ħal Tarxien. Dawn is-siti rċevew dan iċ-ċertifikat li jingħata biss lil dawk l-istabbilimenti li b’mod konsistenti jirċievu kummenti tajbin ħafna fuq TripAdvisor.

Dawn is-siti ta’ Heritage Malta huma kkunsidrati siti ta’ importanza ewlenija minn dawk li jżuruhom. Heritage Malta ngħatat dan ir-rikonoxximent għal siti mmexxija minnha għas-sitt sena konsekuttiva.

Għal iktar tagħrif żur il-website ta’ Heritage Malta, www.heritagemalta.org, jew il-paġna uffiċjali tal-aġenzija fuq Facebook.