Uffiċjal tal-Pulizija ieħor mis-Sezzjoni tat-Traffiku spiċċa l-Isptar għall-kura wara li sewwieq li kien aljenat għax allegatament kien qed isuq waqt li jwieġeb il-mobile, għaddielu minn fuq siequ.
L-inċident seħħ għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħodu, qrib iċ-Ċimiterju tat-Torok, fil-Marsa, meta l-uffiċjal għamel sinjal lix-xufier biex jieqaf hekk kif innota li dan kien qed iwieġeb il-mobile waqt li jsuq.
Kien hawn li għal xi raġuni x-xufier, anzjan, tilef il-kontroll u spiċċa jgħaddi minn fuq sieq l-uffiċjal tal-Pulizija.
Dan bil-konsegwenza li fil-post kellha tissejjaħ ambulanza. Fortunatament jidher li l-ġrieħi li sofra l-uffiċjal mhux serji.
Min-naħa tiegħu s-sewwieq ta verżjoni oħra u ddikjara li ma kienx fuq il-mobile iżda kien qed jiġbor xi ħaġa li waqgħetlu waqt li kien qed isuq.
Jgħid li kien hawn li l-uffiċjal tqarraq u ħaseb li dan l-oġġett kien mobile li kien qed juża waqt is-sewqan.
//= $special ?>

