Il-Ministri taz-Zona Ewro ddikjaraw it-tmiem tal-kriżi tad-dejn tal-Greċja. Dan fost qbil biex dan il-pajjiż igawdi l-għajnuna, flimkien ma’ ‘pagament ta’ flus sostanzjali’, bħala parti minn ftehim ġenerali li jikkonkludi tmien snin ta’ interventi fiskali urġenti għall-Griegi.
Il-Greċja kienet ilha s-snin tbati l-effetti tal-bailout u issa mistenni li hi toħroġ kompletament fl-20 ta’ Awwissu.
Intant, il-Ministri tal-Finanzi mid-dsatax il-pajjiż Ewropew li jużaw l-ewro kienu taħt pressjoni biex joffru ‘ftehim finali’ li jħalli lill-Greċja soda mill-perspettiva tas-swieq finanzjarji.
Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Ekonomiċi, Pierre Moscovici, seta’ jgħid – wara taħditiet maratona fil-Lussemburgu — li ‘il-kriżi tal-Greċja spiċċat minn issa’.
Sadanittant, il-ftehim finali hu żvilupp importanti għaz-Zona Ewro, kważi għaxar snin wara li l-Greċja ssorprendiet lid-dinja bl-infiq inkontrollabbli tagħha ( fuq livell ta’ Stat) li rriżulta fi tliet proċessi ta’ bailout u sitwazzjoni li wasslet lill-munita ewro f’xifer ta’ kollass.
Filwaqt li kien mistenni ftehim faċli, il-Ġermanja – bħala l-akbar kreditur tal-Greċja – kellha ssib intopp li wassal biex it-taħditiet fil-Lussemburgu jiġġebbdu għal sitt sigħat.
Il-Ministri taz-Zona Ewropa, imbagħad, qablu biex jestendu b’għaxar snin id-data għall-pagamenti finali mill-Greċja fir-rigward ta’ elementi tal-obbligi tad-dejn totali.
Jiddikjaraw il-kriżi Griega tad-dejn bħala ‘mitmuma


