Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, irreġistrat tilwima industrijali mad-Direttorat għan-Nies u l-istandards, fi ħdan l-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Dan għaliex membri tal-MUMN li jaħdmu shift ta’ iktar minn disa’ sigħat iċċaħħdu mill-ammont li suppost ingħataw ta’ leave relatat mal-festi pubbliċi skont kif dikjarat mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna fid-diskors tal-baġit f’Novembru li għadda.
L-MUMN iddikjarat li ilha iktar minn erba’ xhur tiddiskuti din il-kwistjoni mal-Gvern, iżda minkejja dan ma ntlaħaq l-ebda ftehim.
Fi stqarrija, iffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea jitfakkar li l-Partit Laburista, fil-manifest elettorali tiegħu, kien wiegħed li se jagħti lura l-leave għall-festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa.
Bl-MUMN li kienet qablet dwar dan, kif ukoll li din iż-żieda tkun waħda gradwali, madankollu tinsisti li l-ġurnata leave allokata għal din is-sena għandha tingħata b’mod sħiħ, u mhux biss parti minnha.
Fl-2005, meta membri tal-MUMN kienu jaħdmu shift ta’ 11-il siegħa jew iktar f’nhar ta’ Ħadd li kien jinzerta festa pubblika, huma kienu jiġu kkumpensati bi 11-il siegħa jew iktar skont kemm ikunu ħadmu.
Iżda issa, il-Gvern ma jridx jallokalhom iżjed minn 9.2 sigħat, li tfisser li fuq erbat ijiem jintilfu kważi tmien sigħat għad-danni ta’ dawk li jaħdmu shifts twal.
L-MUMN infurmat lid-Direttur Ġenerali fi ħdan id-Direttorat li jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li dan id-diżgwid jingħaqad ma’ tilwima industrijali oħra dwar il-Ftehim Settorjali għall-Infermiera u l-Qwiebel u li matul il-ġimgħa d-dieħla se jitħabbru sensiela ta’ Direttivi Industrijali.
//= $special ?>