Direttiva Ewropea daħlet fis-seħħ bħala liġi Maltija, u bis-saħħa t’hekk se tkun qed tintroduċi numru ta’ regoli fuq il-post tax-xogħol, partikolarment dwar il-bżonnijiet minimi tas-saħħa u sigurtà tax-xogħol f’siti ta’ kostruzzjoni.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif dan l-Avviż Legali li ġie addottat se jkun qed jagħti aktar protezzjoni mhux biss lil min qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni, iżda wkoll lill-konsumatur li jkun qed iħallas għal servizz ta’ kostruzzjoni.
Fost it-tibdiliet drastiċi li saru fid-drittijiet, sar tibdil dwar min irid jieħu responsabbilita’ jekk iseħħ xi inċident fuq sit tal-kostruzzjoni marbut max-xogħol.
Filfatt, minħabba din il-liġi ġdida, ir-responsabbilita’ fuq il-post tax-xogħol għal min ikun qed jaħdem f’sit ta’ kostruzzjoni trid tintrefa’ mill-kuntrattur, u mhux mis-sid tal-propjeta’ li kkummissjona x-xogħol. Madanakollu, hu neċessarju li x-xogħol ta’ kostruzzjoni jkun meqjus bħala ‘domestiku’, jiġiferi x-xogħol ta’ kostruzzjoni ma jridx ikun qed isir bi skop ta’ qligħ.
Din il-liġi tkopri numru ta’ xogħol fil-kostruzzjoni, fosthom tħaffir, bini, rinnovamenti, tiswijiet, u anke żebgħa u tindif fost l-oħrajn.
Matul il-konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Permanenti Joe Camilleri stqarr li skont l-aħħar statistika wieħed minn kull ħames inċidenti jseħħ fuq sit ta’ kostruzzjoni, għaldaqstant huwa importanti li dawn il-miżuri Ewropej jitħaddmu sabiex statistika bħal din tkompli tonqos u nnaqqsu l-inċidenti.
Minn naħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ Maltija għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), Mark Gauci, qal li din l-addozzjoni tad-Direttiva Ewropea se tkun qed tissimplifika l-proċess għal min ikun qed jagħmel xogħol ta’ kostruzzjoni – mingħajr ma tnaqqas il-protezzjoni lil min qed jaħdem.
Fost is-sigurta’ li se tiżdied għall-ħaddiema minħabba din il-liġi, insibu restrizzjonijiet u regolamenti fuq l-użu ta’ scaffolding u kostruzzjoni fil-għoli.
Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, tqajjem tħassib mil-ġurnalisti dwar in-nuqqas ta’ ħarsien lejn l-ambjent fil-madwar tas-sit tal-kostruzzjoni – fejn qed ikunu regolari dħaħen ta’ trabijiet fl-arja li jistgħu jkunu ta’ ħsara mhux biss għal min qed jaħdem, iżda anke għal persuni li jgħixu fil-madwar.
Sar aċċenn ukoll għall-fatt li dawn il-liġiijiet jistgħu biss ikunu effettivi jekk ikun hemm infurzar tagħhom.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew programmi ta’ għarfien dwar dawn ir-regoli ġodda għal min jaħdem f’dan is-settur.
//= $special ?>