Ekonomija Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Minkejja l-wegħdi li għamlet, l-MFSA ma tippubblikax l-isem ta’ min għamel ir-rapport dwar il-Bank Pilatus

Id-deċiżjoni biex jinħeba r-rapport dwar il-Bank Pilatus hi diżappuntanti ħafna – David Casa

Minkejja li l-MFSA kienet wegħdet li se jsiru sforzi biex jiġi ppubblikat l-isem tad-ditta barranija li għamlet “rapport ta’ informazzjoni” qabel mal-Bank Pilatus ingħata liċenzja biex jiftaħ f’Malta, f’ittra li bagħtet liċ-Chairperson tal-Kumitat TAX3 tal-Parlament Ewropew, l-istess MFSA issa qalet li ma tistax tgħid min għamel dan ir-rapport.
 
Matul laqgħa fil-kumitat TAX3 fil-Parlament Ewropew ix-xahar li għadda, l-MFSA qalet li qabdet ditta barranija biex tipprovdi “rapport ta’ informazzjoni” dwar il-Bank Pilatus, u sostniet li dan ir-rapport kellu rwol fid-deċiżjoni li jagħti liċenzja lil Bank Pilatus. Kien fl-istess laqgħa li l-MFSA ntalbet l-identità tad-ditta li ppreparat ir-“rapport ta ‘informazzjoni”. Iżda kif jidher mill-ittra hawn taħt, issa, dan l-isem qed jibqa’ jinżamm sigriet.

It-tweġiba tal-MFSA għat-talba tal-Parlament Ewropew biex jingħad min kienet id-ditta barranija li għamlet ir-rapport dwar il-Bank Pilatus
 
Fi stqarrija, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, l-MEP David Casa qal li minkejja r-rijassigurazzjonijiet matul is-seduta, li se jsiru sforzi biex jingħelbu “kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità” sabiex jiġi ppubblikat l-isem tal-kumpanija, l-MFSA issa rrispondiet u ddikjarat li mhux se tagħmel dan.
 
Dan huwa estremament diżappuntanti – partikolarment issa li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti qalu li għandhom prova li l-Bank Pilatus ġie mwaqqaf bi flejjes ġejjin mill-kriminalità, sostna Casa.

Hu qal ukoll li biex tissalvagwardja r-reputazzjoni tagħha u dik tas-settur finanzjarju Malti, l-MFSA trid issib mod biex tassigura lill-pubbliku li dan “ir-rapport ta’ informazzjoni” fil-fatt jeżisti u li l-kumpilazzjoni tar-rapport kif ukoll id-deċiżjonijiet meħuda bbażati fuq ir-rapport ma kinux imprudenti u li ma kinux jammontaw għal negliġenza gravi jew kompliċità fil-kriminalità serja.

Jekk ma tagħmilx dan, l-MFSA tista’ tagħmel ħsara biss lilha nnifisha, temm jgħid l-MEP tal-Partit Nazzjonalista.

L-ittra li l-Parlament Ewropew bagħat lill-MFSA li fiha talab l-isem tad-ditta barranija li għamlet ir-rapport dwar il-Bank Pilatus