Aġġornata
Persuna li kienet qed tinżamm taħt arrest fit-taqsima forensika tal-Isptar Monte Karmeli tilfet ħajjitha għal raġuni li għad mhix magħrufa.
Ir-raġel, li għandu 28 sena, instab mitluf minn sensih fiċ-ċella tiegħu fit-Taqsima Forensika u ttieħed l-isptar għall-kura imma sfortunatament tilef ħajtu. Is-sejba tar-raġel nofsu mejjet saret ftit qabel l-erbgħa ta’ waranofsinhar f’taqsima li taqa’ direttament taħt it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
L-aħbar kienet żvelata mis-sit netnews.com.mt fejn għalkemm kien għad ma kienx hemm konferma dwar l-aħbar, kelliema għall-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qalet lil kellha tiġi ppubblikata stqarrija dwar dan il-każ.
Informazzjoni li għandha din il-gazzetta tgħid li l-persuna li tilfet ħajjitha hwua raġel ta’ 28 sena li ħamest ijiem ilu tressaq il-Qorti akkużat b’serq minn żewġ ħwienet tal-merċa fl-Imsida u li fil-proċess fera wieħed mis-sidien tal-ħwienet.
Fil-Qorti, ir-raġel kien wieġeb mhux ħati u waqt li l-Qorti ma kinitx tat ħelsien mill-arrest proviżorju, ir-raġel kien ammetta quddiem il-Maġistrat li kellu bżonn l-għajnuna minħabba l-problema tad-droga.
Din mhux l-ewwel darba li persuna miżmuma fl-isptar Monte Karmeli spiċċat tilfet ħajjitha b’xi mod jew ieħor. Fi Frar li għadda, żagħżugħ ta’ 18-il sena nstab mejjet wara li ħarab mill-isptar. Għalkemm f’dak il-każ, il-pazjent ma kienx qed jinżamm fit-taqsima Forensika.
It-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli hija estensjoni tal-ħabs ta’ Kordin u għalhekk, it-tmexxija ta’ din it-taqsima taqa’ direttament taħt id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Tant hu hekk, li l-infermieri li jaħdmu fit-Taqsima Forensika huma mqabbdin minn kuntrattur, u apparti l-ħinijiet li l-priġunieri jkunu qed jingħataw it-trattament mediku mill-infermieri, l-irwol ta’ għassa fuq ir-residenti f’dik it-taqsima jaqa’ f’idejn il-gwardjani taħt id-direzzjoni tad-Direttur tal-Ħabs.
Sadanittant, fi stqarrija tal-Pulizija ngħad li bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud għalkemm il-Pulizija għaddejja wkoll bl-investigazzjoni tagħha dwar il-każ. Il-Pulizija qalet ukoll li mistennija ssir awtopsja fuq il-katavru tar-raġel.
//= $special ?>