Il-Belġju għamlet pass importanti li tikkwalifika minn Grupp Ġ wara li ġabet fix-xejn lit-Tuneżija b’rebħa ta’ 5-2. Partita li fiha l-Belġjani ddominaw mill-bidu sal-aħħar u li kieku ħadu l-okkażjonijiet li kellhom setgħu spiċċaw il-logħba bi skor akbar. Dan ir-riżultat fisser li din il-logħba kienet l-aktar waħda sa issa li ġew skorjati gowls. Bid-doppjetta tal-lum, Romelu Lukaku laħaq lil Cristiano Ronaldo fil-quċċata tal-aqwa skorers.
Il-Belġju fetħet l-iskor wara sitt minuti meta Syam Ben Youssef waqqa’ lil EDEN HAZARD fil-kaxxa, bl-istess plejer jiftaħ l-iskor b’xutt fil-baxx għar-rokna xellugija. L-iskor sar 2-0 fis-16-il minuta meta ROMELU LUKAKU rċieva mingħand Dries Mertens u għeleb lil Farouk Ben Mustapha b’konklużjoni fil-baxx.
Reazzjoni immedjata mit-Tuneżija li żewġ minuti wara naqset id-distakk b’daqqa ta’ ras ta’ DYLAN BRONN minn free-kick mix-xellug. Iżda l-Belġju reġgħet bniet vantaġġ ta’ żewġ gowls eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima. Thomas Meunier qata’ d-difiża avversarja b’passaġġ intelliġenti lejn ROMELU LUKAKU li qabbeż fuq Ben Mustapha.
It-tim ta’ Martinez għalaq il-partita bir-raba’ gowls fil-51 minuta, b’EDEN HAZARD jirċievi ballun fit-tul, ikkontrolla b’sidru, avvanza u qabeż lil Ben Mustapha u skorja f’lasta vojta. Il-Belġjani kellhom diversi okkażjonijiet li jkabbru l-iskor iżda l-ħames gowl wasal fid-90 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ MICHY BATSHUAYI, wara li kien falla diversi okkażjonijiet.
It-Tuneżija skorjat il-gowl ta’ konsolazzjoni qabel it-tisfira finali b’xutt mill-ewwel fil-baxx għar-rokna ta’ WAHBI KHAZRI.
//= $special ?>