Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Kroos isalva l-Ġermaniżi u jagħti tama ġdida ta’ kwalifikazzjoni

Toni Kroos jiċċelebra mal-kowċ nazzjonali (Ritratt: EPA)

Il-Ġermanja ħadet nifs qawwi fit-tamiet tagħha li tikkwalifika mal-aħħar 16 wara li Toni Kroos skorja l-gowl tar-rebħa biex dawwar telfa f’rebħa ta’ 2-1 fuq l-Iżvezja f’Sochi. Il-Ġermaniżi riedu rebħa bilfors biex jibqgħu jemmnu li jgħaddu, u l-affarijiet ikkomplikaw ruħhom wara l-gowl ta’ Toivonen.

Iċ-champions tad-dinja ġabu d-draw fil-bidu tat-tieni taqsima, u deher li kollox ġej diffiċli meta tkeċċa Jerome Boateng fit-82 minuta, sakemm Toni Kroos skorja gowl mill-isbaħ biex qasam il-qlub tal-Iżvediżi.

Din ir-rebħa tħalli lill-Ġermanja konxja li jekk tirbaħ kontra l-Korea ta’ Isfel fl-aħħar logħba tarahom kważi ċerti li jikkwalifikaw, bl-Iżvezja tilgħab kontra l-Messiku.

Il-kowċ Ġermaniż ħalla lil Mesut Ӧzil fuq il-bank, b’Lӧw jagħmel erba’ bidliet mit-telfa kontra l-Messiku. Mats Hummels kien imweġġa’, filwaqt li Sami Khedira u Marvin Palttenhardt tħallew barra. Marco Reus, Jonas Hector, Sebastian Rudy u Antonio Rüdiger daħlu fit-tim. Fit-tim Żvediż daħal lura Victor Lindelof u ħa post Pontus Jansson.

Il-Ġermanja fetħet fuq l-attakk b’Werner isib lil Reus, iżda x-xutt tal-plejer ta’ Borussia Dortmund kien blokkat minn Sebastian Larsson. It-tim ta’ Lӧw kien qed jiddomina l-logħob fl-istadji inizjali, iżda l-Iżvediżi kienu perikolużi meta appellaw għal penalty għal kuntatt bejn Marcus Berg u Jerome Boateng fil-kaxxa. Madankollu r-referee Pollakk Szymon Marciniak ħalla l-logħob għaddej u rrifjuta li jikkonsulta l-VAR.

Dan kien sinjal li l-Ġermaniżi ma kinux attenti għalih għaliex l-Iżvezja fetħet l-iskor fit-32 minuta. Viktor Claesson qassam perfett lejn OLA TOIVONEN li kkontrolla b’sidru qabel ma qabbeż il-ballun fuq Neuer. Il-Ġermaniżi wieġbu mill-ewwel meta Robin Olsen salva darbtejn fuq xutt imxellef tas-sostitut Gündogan u rebound ta’ Müller.

B’dan ir-riżultat, il-Ġermanja kienet eliminata u l-attakkant Mario Gomez daħal fil-bidu tat-tieni taqsima. 90 sekonda wara l-Ġermanja ġabet id-draw. Timo Werner krossja mix-xellug, Gomes mess il-ballun u spiċċa fid-direzzjoni ta’ MARCO REUS li skorja l-ewwel gowl internazzjonali wara aktar minn tliet snin. Reus mar viċin it-tieni wieħed ftit sekondi wara mill-viċin.

Il-Ġermaniżi kienu qed jippressaw lill-avversarji, iżda t-tieni karta safra ta’ Boateng fit-82 minuta rathom l-aħħar minuti jattakkaw b’raġel anqas. Olsen salva tajjeb daqqa ta’ ras ta’ Gomes u xutt ta’ Julian Brandt laqat il-lasta.

Kien fil-95 minuta li TONI KROOS għeleb lil Robin Olsen bi free-kick mix-xellug f’pożizzjoni angolata li spiċċa fir-rokna ta’ fuq tat-tieni lasta, biex tefa’ l-partitarji u sħabu f’dellirju ta’ ferħ.

Din ir-rebħa fissret li l-Ġermanja rebħet logħba fit-Tazza tad-Dinja wara daħlet tistrieħ minn taħt għall-ewwel darba mill-1974, f’logħba li wkoll kienet kontra l-Iżvezja.