Internazzjonali

L-Airbus jista’ jitlaq mir-Renju Unit mingħajr ftehim dwar il-Brexit

Il-grupp Airbus li jimpjega direttament madwar 15,000 persuna fir-Renju Unit wissa dwar ‘l-impatt katastrofiku’ li kieku l-pajjiż kellu joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim dwar il-Brexit. Il-kelliema qalu li f’xenarju bħal dan, l-Airbus ikollu jikkunsidra mill-ġdid l-investimenti tiegħu fir-Renju Unit.
Il-vot fir-referendum dwar il-futur tar-Renju Unit fl-UE għalaq sentejn u l-pajjiż, issa, qed jaħseb biex joħroġ mill-Unjoni fid-29 ta’ Marzu tal-2019 wara ‘l-iva’ min-naħa tal-elettorat.
Sadanittant, il-Gvern tal-Prim Ministru Theresa May qed iħalli miftuħ il-possibbiltà ‘li joħroġ mill-UE mingħajr ftehim ma’ Brussell’ bħala tattika biex tgħinu fin-negozjati mal-Unjoni. Filwaqt li l-Gvern Britanniku qed jistenna li ‘ftehim ikun f’postu’ ladarba tasal id-data għall-konklużjoni tal-Brexit, it-taħditiet ma’ Brussell jinsabu staġnati dwar il-kwistjoni tal-fruntiera Irlandiża.
Qed toħloq anki intopp l-indeċiżjoni tar-Renju Unit rigward ‘il-ftehim li qed tistenna’ u l-Mexxejja tal-UE, li se jiltaqgħu ma’ Theresa May, il-ġimgħa d-dieħla, waqt summit fi Brussell, qegħdin iwissu li ‘iż-żmien qed jagħfas’.
Min-naħa tiegħu, Tom Williams, wieħed mill-uffiċjali ewlenin mal-grupp Airbus, qal li xenarju fejn ma jintlaħaqx ftehim finali għall-Brexit bejn Londra u Brussell għandu jhedded direttament il-futur tal-Airbus fir-Renju Unit.
Skont evalwazzjoni, mill-Airbus, dwar l-element tas-sogru relatat mal-Brexit, ingħad li t-tluq immedjat tar-Renju Unit mis-suq komuni u l-unjoni doganali tal-UE (mingħajr ftehim miftihem għal tranżizzjoni) ‘iwassal għal taqlib serju u interruzzjoni fil-prodozzjoni’.
L-intoppi, id-dawmien u s-sitwazzjonijiet li jxekklu l-operat tal-Airbus taħt dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jiswew lill-grupp sa biljun ewro fil-ġimgħa f’introjtu mitluf u li, bla dubju, tkun ‘xi ħaġa katastrofika’.
Għaldaqstant, rapport ippubblikat qal li ‘f’dan ix-xenarju l-Airbus ikollu jikkunsidra mill-ġdid l-investimenti tiegħu fir-Renju Unit flimkien mal-proġetti tiegħu f’dan il-pajjiż għat-tul taż-żmien’.
Dan meta l-grupp Airbus qed jibni tagħmir speċifiku għall-ajruplani kummerċjali f’25 ċentru fir-Renju Unit u fejn għandu wkoll ċentru għat-teknoloġija spazjali.