Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Vela u Hernandez jagħtu t-tieni rebħa lill-Messiku

Javier Hernandez jiċċelebra wara li skorja t-tieni gowl (Ritratt: EPA)

Il-Messiku tinsab pass eqreb li tagħmilha mal-aħħar 16 wara li rebħet 2-1 kontra l-Korea ta’ Isfel. B’hekk kisbet it-tieni rebħa fil-grupp wara li għelbet lill-Ġermanja. B’din it-telfa l-Korea ta’ Isfel hi kważi eliminata.

It-tim ta’ Osorio mar fil-vantaġġ fis-26 minuta meta r-referee Serb Milorad Mazic ordna penalty wara li l-kross ta’ Miguel Layun ħabat ma’ id Hyun-Soo Jang. Mill-11-il metru CARLOS VELA ma żbaljax b’xutt fuq il-lemin tiegħu.

Il-Messikani rduppjaw fis-66 minuta meta Hirving Lozano qassam lejn Javier Hernandez li wera l-kwalità tiegħu biex għeleb lill-gowlkiper avversarju. Għal Hernandez dan kien il-50 gowl mat-tim Messikan.

Il-Korea ta’ Isfel naqqset il-marġni fit-93 minuta b’gowl mill-isbaħ ta’ Heung-Min Son li ħalla lil Guillermo Ochoa mingħajr ċans li jsalva.