Il-President Tork Recep Tayyip Erdogan jidher li qed igawdi vantaġġ fuq ir-rivali politiku tiegħu wara l-elezzjoni għall-Presidenza tat-Turkija. Dan meta s’issa laħqu ngħaddew 20 fil-mija tal-voti li ntefgħu llum, b’Erdogan qed jittama li jaċċerta minn tieni mandat ta’ tmexxija għall-ħames snin li ġejjin.
L-elezzjonijiet għall-Presidenza u l-Parlament tat-Turkija huma l-aktar missielta għal snin u f’każ li jirbaħ Erdogan, hu għandu jadotta għalih poteri ġodda li, skont il-kritiċi, jispiċċaw idgħajjfu d-demokrazija fil-pajjiż.
L-elezzjonijiet kienu oriġinarjament ippjanati għal Novembru tas-sena d-dieħla iżda tressqu ‘il quddiem fuq l-inizjattiva ta’ Erdogan.
Recep Tayyip Erdogan qed jittama li jikseb ‘il fuq minn ħamsin fil-mija tal-vot biex jevita tieni elezzjoni deċiżiva. Intant, hu qed jiffaċċja sfida iebsa mingħand Muharrem Ince, il-kandidat taċ-ċentru-xellug, li qed jixpruna t-tamiet tal-Oppożizzjoni Torka.
Kemm Erdogan kif ukoll Ince, nhar is-Sibt, organizzaw l-aħħar rallies kbar ( fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali) fejn it-tnejn ikkundannaw lil xulxin bħala ‘persuna mhix denja biex tmexxi lit-Turkija’.
Ince, li qed isaħħaħ lill-Oppożizzjoni Torka permezz tal-kampanji politiċi tiegħu, qed iwiegħed biex, f’każ ta’ rebħa, ‘idawwar lura lill-pajjiż li, taħt Erdogan, qabad it-triq lejn stil ta’ amministrazzjoni awtoritarja’.
It-Turkija għadha taħt stat ta’ emerġenza li kienet imposta wara l-kolp ta’ stat kontra Erdogan li sar f’Lulju tal-2016 u li kien falla fl-iskop tiegħu.
//= $special ?>

