Żewġ soċjetajiet mużikali taż-Żurrieq u l-Qrendi ngħaqdu flimkien biex minbarra li offrew brijju, jippromwovu u jagħtu d-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm.
Il-Ħadd filgħodu, bandisti mis-Soċjeta’ Mużikali Santa Marija tal-Qrendi, u s-Soċjeta’ Mużikali Santa Katarina taż-Żurrieq taw spettaklu lil dawk preżenti b’numru ta’ marċi brijjużi.
Iżda minbarra l-marċi, numru ta’ bandisti u nies preżenti ukoll marru jagħtu d-demm – fosthom żewġ bandisti mill-għaqdiet rispettivi li taw d-demm għall-ewwel darba. Kif spjega l-President tas-Sojeta’ Mużikali Santa Marija Anthony Aquilina, u s-Segretarju tas-Soċjeta’ Mużikali Santa Katarina V.M Kevin Schembri – din l-inizjattiva mis-soċjetajiet mużikali mhux biss fiha sens altruwistiku bl-għoti tad-demm, iżda anke kommemorattiva hekk kif din is-sena taħbat mal-400 sena parroċċa minn meta l-Knisja ta’ Santa Katarina ingħatat it-titlu ta’ Matriċi bit-twaqqif tal-parroċċa Qrendija u fl-okkażjoni wkoll tal-200 sena mill-miġja tal-vara titulari fil-parroċċa ta’ Santa Katarina taż-Żurrieq.
Iżda dawn l-attivitajiet kemm jgħinu fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm – b’mod partikolari fis-Sajf? Tonio Micallef għan-nom taċ-Ċentru Għoti tad-Demm stqarr li f’dawn iż-żminijiet jonqsu l-ammont ta’ donazzjonijiet tad-demm – partikolarment minħabba s-safar. Hu appella biex aktar għaqdiet fl-irħula madwar Malta u Għawdex, jingħaqdu u jagħmlu attivitajiet simili. Fil-ġimgħat li ġejjin, iċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm se jkun qed iniedi wkoll kampanja ta’ promozzjoni.
//= $special ?>