‘Lil hinn mill-kuluri tal-partiġġjaniżmu, l-akbar interess għandu jibqa’ l-interess nazzjonali. Qatt m’aħna se nippermettu li għax aħna pajjiż żgħir ikun hemm min jipprova jnaqqsilna s-sovranità.’, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt intervista fuq Radio 101.
Adrian Delia qal li fil-kwistjoni li nqalgħet dwar il-vapur Mission Lifeline, il-pożizzjoni tagħna għandha tibqa’ dik li l-interess nazzjonali jiġi l-ewwel. Dan speċjalment meta Malta osservat l-obbligi kollha tagħha skont il-liġijiet internazzjonali. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jagħti l-appoġġ tiegħu sabiex nipproteġu s-sovranità u l-integrità tagħna bħala pajjiż. Huwa qal ukoll li bħala pajjiż sovran, m’għandna nħallu lil ħadd jgħidilna x’għandna nagħmlu sakemm ikun hemm il-ħarsien sħiħ tal-liġijiet internazzjonali u l-ħajja umana.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-immigrazzjoni hija wkoll il-ħaddiema barranin li l-Gvern qed iġib lejn Malta. Dan għaliex l-ekonomija qed tikber bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni, meta l-Gvern qed iġib żieda netta ta’ 10,000 ħaddiem barrani fis-sena, li tfisser żieda ta’ 5% fl-ammont tal-ħaddiema.
Adrian Delia qal li dan in-nuqqas ta’ pjan mill-Gvern qed iwassal biex ikun hawn impatt fuq il-ħaddiema Maltin, l-infrastruttura u l-ambjent iżda wkoll fuq il-prezzijiet tal-propjetà u l-kirjiet. Adrian Delia qal li l-piż tal-akkomodazzjoni qed tiżdied mal-piżijiet li qed ikollhom iġorru l-familji Maltin u Għawdxin, li diġà qed iġorru piżjiet oħra bħalma huma ż-żidiet fl-affarijiet essenzjali bħall-ikel. L-istatistika tal-Eurostat ikkonfermat li l-prezzijiet tal-ikel f’Malta huma 10% ogħla mill-medja fl-Unjoni Ewropea u dan irid jittieħed fil-kuntest li l-prezz tal-ħobż ukoll se jiżdied, u s-serq li qed isir bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan meta l-istess statistika Ewropea turi li ż-żidiet fil-pagi tal-ħaddiema Maltin mhix qed tlaħħaq maż-żieda fl-inflazzjoni u l-ogħli tal-ħajja. Huwa qal li n-negozju qed joħloq il-ġid iżda l-Gvern joħloq il-faqar.
Politika li ma tħarisx lejn kuluri, iżda tħares lejn il-ġid komuni tassew tan-nies.
Adrian Delia qal li n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern deher ukoll fid-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ddeċidiet li twaqqaf l-insib. Huwa qal li b’din id-deċiżjoni, in-nassaba ġew imċaħħda mid-delizzju tal-insib minħabba d-deċiżjonijiet ħżiena tal-Gvern, li ma ssodisfax il-kundizzjonijiet ta’ deroga skont id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar. Bid-deċiżjonijiet ħżiena tiegħu fl-2014 u l-2015, il-Gvern Laburista spiċċa biex tellef lin-nassaba mid-delizju tagħhom. Adrian Delia appella għal djalogu serju mal-Kummissjoni Ewropea bis-sehem tan- nassaba biex insibu mod kif l-insib jerga’ jkun possibbli u bil-ħarsien tad-Direttiva Ewropea.
Huwa qal li l-bibien tal-Partit Nazzjonalista huwa miftuħ għal kulħadd inkluż għan-nassaba u stedinhom biex jidħlu fi djalogu mal-Partit Nazzjonalista sabiex jekk hemm soluzzjoni biex l-insib ikompli din nagħmluha flimkien.
Adrian Delia tkellem dwar il-vot tal-emendi għal-liġi tal-IVF li l-Gvern għadda mill-Parlament mingħajr konsultazzjoni serja mas-soċjetà ċivili kif kien wiegħed. Huwa qal li din hija liġi li ma tipproteġix il-ħajja u li se tneħħi l-opportunitajiet lil dawk li għadhom ma twildux, u filwaqt li l-Gvern jiftaħar bl-ugwaljanza u l-opportunitajiet indaqs ma kienx lest li jagħti l-istess opportunijiet lill-embrijun, li hija ħajja umana. Dan meta l-President ta’ Malta wkoll f’ittra lill-Parlament qalet li l-fibra morali tal-Istat se tkompli titmermer bit-telfien tar-rispett lejn il-ħajja umana fl-istadji kollha tagħna.
Adrian Delia qal li bħal-lum sena kien beda l-kampanja tiegħu li wasslitu biex sar il-Kap il-ġdid tal-Partit Nazzjonalista. Huwa qal li daħal fil-politika għax kien imweġġa’ li pajjiżna mhux sejjer ‘il quddiem fid-direzzjoni li hemm bżonn, fejn uliedna jkollhom pajjiż mingħajr korruzzjoni, aktar modern u ħadrani. Adrian Delia Delia stieden lill-politiċi kollha biex jinżgħu l-politika tal-passat u jhaddnu l-politika tan-nies, f’soċjetà li jimpurtaha biex flimien nagħtuhom ħajja aħjar, f’Malta aħjar.
//= $special ?>