Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

Il-Kolombja tittama u l-Polonja eliminata

Radamel Falcao jiċċelebra wara li skorja t-tieni gowl (Ritratt: EPA)

Il-Kolombja għadha tittama li tista’ tikkwalifika mal-aħħar 16 wara li għelbet lill-Polonja 3-0 u tinsab punt taħt il-Ġappun u s-Senegal, bl-aħħar konfront tagħha hu kontra t-tim Afrikan. Il-Polonja b’din it-telfa issa huma eliminati.

Il-Kolombja fetħet l-iskor fit-38 minuta meta minn korner mogħti qasir kien il-kross perfett ta’ James Rodriguez lejn YERRY MINA, bid-difensur ta’ Barcelona jantiċipa lil Szczesny u jixħet fix-xibka b’daqqa ta’ ras.

Ċans tajjeb għall-Polonja fit-58 minuta b’Robert Lewandowski jikkontrolla tajjeb iżda x-xutt finali kien blokkat minn David Ospina. Il-Kolombja rdoppjat fis-70 minuta meta Juan Quintero qassam lil RADAMEL FALCAO li għeleb in-nasba tal-offside u għeleb lil Szczesny b’xutt fil-baxx.

Ħames minuti wara l-iskor sar 3-0 meta James Rodriguez qabad id-difiża Pollakka fuq sieq waħda u b’passaġġ preċiż sab lil JUAN CUADRADO li avvanza u b’konklużjoni għar-rokna skorja t-tielet gowl.