Is-sitwazzjoni fil-Qorti tal-Familja ta’ dak li ġara fl-2012 meta mqabbel ma’ dak li ġara fl-2017.
F’intervista li dehret fuq il-mument.
Minn analiżi dettaljata ta’ statistika uffiċjali li toħroġ mis-sit tal-Qrati tal-Ġustizzja, jirriżulta bl-aktar mod ċar li fil-kamp tal-Ġustizzja n-nies qed ibatu u mhux qed issir Ġustizzja magħhom grazzi għal ħafna dewmien u posponimenti ta’ smigħ ta’ kawżi.
Adrian Delia, il-Kap tal-Oppożizzjoni, tkellem fit-tul ma’ il-mument u ċarrat il-maskra tal-Ministru Owen Bonnici li qed jinħeba wara ħafna kliem sabiħ u ftaħir dwar dak li qed jiġri fil-kamp tal-Ġustizzja, iżda ċifri uffiċjali mill-Qrati tal-Ġustizzja mhux biss igiddbu u jxejnu dak li qed jgħid l-istess Ministru Owen Bonnici, iżda juru li qed jiżdied id-dewmien fil-kawżi, żdied iż-żmien li fihom il-kawżi qegħdin jieħdu biex jiġu deċiżi… u, fuq kollox, in-nies qed ibatu u mhux issir Ġustizzja magħhom.
Eżempju wieħed klassiku hu dak li qed jiġri fil-Qorti tal-Familja fejn hemm problemi mill-aktar xokkanti. Meta qabbilna dak li ġara tul is-sena sħiħa 2012 (u allura l-aħħar sena kompluta ta’ Gvern Nazzjonalista) ma’ dak li ġara tul is-sena sħiħa 2017 (li hi l-aħħar sena kompluta ta’ statistika taħt Gvern Laburista) irriżulta bl-aktar mod ċar li żdied id-dewmien quddiem il-Qorti tal-Familja biex tkun deċiża kawża, qed ikunu deċiżi anqas kawżi milli kienu jkunu deċiżi fl-2012 u żdied iż-żmien li fihom il-kawżi qegħdin jeħdu biex ikunu deċiżi.
Fil-fatt fl-2017 daħlu 724 kawża ġdida kuntrarjament għal dak li ġara fl-2012 meta kienu daħlu 855 kawża ġdida. Sitt snin ilu kienu nqatgħu 930 kawża, filwaqt li s-sena l-oħra nqatgħu 729 biss. Ir-riżultat ta’ dan kollu hu rifless li filwaqt li l-clearance rate, jiġifieri kemm jkunu deċiżi kawżi komparat ma’ kemm jidħlu kawżi ġodda, fl-2012 kien ta’ 109 fil-mija, is-sena l-oħra dan kien biss ta’ 101 fil-mija. Dan kollu jfisser ukoll li filwaqt li fl-2012 filwaqt li kawża kienet tieħu medja ta’ 525 jum biex tkun deċiża, is-sena l-oħra d-dewmien żdied għal 572 jum!
Mitlub jispjega dan ix-xenarju xokkanti, Adrian Delia fisser li jidher ċar li l-Gvern ma hux jieħu din il-Qorti, u Qrati oħra, bis-serjetà għaliex jirriżulta bl-aktar mod ċar li l-kawżi hawnhekk qed idumu ferm aktar. Dan minkejja li mill-2016 l-Ministru Owen Bonnici daħħal is-sistema ta’ Court Attorneys.
Dawn il-Court Attorneys inħatru biex jgħinu lill-Imħallfin f’din il-Qorti u fi Qrati oħra bħal Prim’ Awla. Il-Court Attorneys qegħdin hemm biex jgħinu lill-Imħallef billi jippreparaw l-abbozz tas-sentenza, liema abbozz imbagħad ikun irid jiġi ivverifikat mill-Imħallef u allura r-rwol tagħhom kien intiż biex iħaffu l-proċess ġudizzjarju billi jingħataw aktar sentenzi mill-Imħallfin… minflok jidher li hemm problemi serji għaliex id-dewmien, flok naqas qiegħed jiżdied u s-sentenzi flok żdiedu naqsu.
Fl-2012 meta ma kienx hemm Court Attorneys, l-Imħallfin tal-Qorti tal-Familja kienu taw mal-200 sentenza aktar milli taw fl-2017 meta allura kien hemm il-Court Attorneys. Meta l-Ministru Owen Bonnici kien daħħal din ir-riforma tal-Court Attorneys b’ħafna fanfarra, hu kien qal li dawn se jgħinu lill-Imħallfin biex jaqtgħu aktar kawżi. Il-fatti iżda juru li dan ma huwiex il-każ.
Dawn il-fatti jċarrtu l-maskra tal-Ministru Owen Bonnici u juru kif fil-kamp tal-Ġustizzja hemm problemi serji għaliex in-nies ma humiex qed jinqdew, qed ibatu u allura ma hix issir Ġustizzja magħhom.
Adrian Delia jikxef l-ingann ta’ Owen Bonnici.
Hu tal-mistħija kif il-Ministru Owen Bonnici jipprova jiddieħak bin-nies u jinganna meta statistika uffiċjali tal-Qrati tal-Ġustizzja li tinsab fis-sit elettroniku uffiċjali tal-Ministeru tal-Ġustizzja stess turi żidiet fil-media tad-dewmien tal-qtugħ tal-kawżi… sitwazzjoni li qed twassal għal ħafna tbatijiet u biex in-nies ma jieħdux Ġustizzja
Sitwazzjoni ħolistika ta’ dak li ġara fl-2012 meta mqabbel ma’ dak li ġara fl-2017.
Is-sitwazzjoni fil-Qorti Kostituzzjonali ta’ dak li ġara fl-2012 meta mqabbel ma’ dak li ġara fl-2017.
Is-sitwazzjoni fil-Qorti tal-Appell Ċivili Superjuri ta’ dak li ġara fl-2012 meta mqabbel ma’ dak li ġara fl-2017.
Is-sitwazzjoni fil-Prim’Awla ta’ dak li ġara fl-2012 meta mqabbel ma’ dak li ġara fl-2017.
il-mument fil-jiem li għaddew analizzat l-istatistika li tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja għas-snin 2012 (li hi l-aħħar sena kompluta taħt Gvern Nazzjonalista) u 2017 (li hi l-aħħar sena kompluta ta’ statistika taħt Ġvern Laburista) u minnha waslet għal konklużjoni, bażata fuq fatti, li mill-ħdax-il Qorti, Tribunali u Bordijiet Ċivili li jiffurmaw parti mill-Qrati tal-Ġustizzja f’Malta u f’Għawdex, hemm tmienja minnhom li fihom hemm problemi serji bil-konsegwenza li n-nies qed ibatu biex jieħdu Ġustizzja f’waqtha.
Dawn huma l-Qorti Kostituzzjonali, il-Qorti tal-Appelli Ċivili (Superjuri), il-Qorti tal-Familja, il-Qorti tal-Maġistrati (Ċivili), il-Prim’Awla, it-Tribunal Talbiet Żgħar, il-Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri tar-Raba’ u l-Bord li Jirregola l-Kera.
Fil-jiem li għaddew il-Ministru Owen Bonnici ħareġ stqarrija dwar dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fis-sens li hawn dewmien fil-qtugħ tal-kawżi.
Testwalment Owen Bonnici qal li: “Waqt li Dr Delia allega li mhuwiex minnu li l-kawżi qed jonqsu, l-fatti juru li waqt li sal-aħħar ta’ Diċembru 2012 l-ammont ta’ kawżi pendenti fil-kamp ċivili kien ta’ 11,150, sal-aħħar ta’ Diċembru 2017 dan naqas b’iktar minn tlettax fil-mija biex l-ammont niżel għal 9,652”.
Dwar dan Adrian Delia enfasizza li iva l-clearance rate , jiġifieri kemm ikunu deċiżi kawżi komparat ma’ kemm jidħlu kawżi, hemm dewmien għaliex qegħdin ikunu deċiżi inqas kawżi bil-konsegwenza li n-nies ma hix tieħu Ġustizzja f’waqtha. Anke t-tul li fih tkun deċiża kawża f’ċertu Qrati qiegħed jitwal. Każ tipiku hu billi wieħed janalizza x’qed jiġri fil-Qorti tal-Familja u kien għalhekk li fil-jiem li għaddew hu semma’ bħala eżempju l-kawzi tad-divorzju, tas-separazzjoni u tal-annullament.
Adrian Delia kompla li “jidher ovvju li l-Ministru Owen Bonnici qabad mal-kelma “jonqsu” biex jipprova juri li ma nafx x’qed ngħid. Iżda iva naf x’qed ngħid u r-realtà turi bl-aktar mod ċar li f’diversi istanzi fi Qrati differenti ż-żmien biex kawża tinqata’ qed jieħu ferm aktar fit-tul u anke kemm qed jiġu deċiżi kawżi. Il-Ministru Owen Bonnici jmissu jkun inkwetat b’dak li qed jiġri f’dan ir-rigward għaliex ifisser lin-nies mhux qed issir Ġustizzja magħhom.”
Tkellimna wkoll dwar dak li qal Owen Bonnici fl-istqarrija tiegħu fis-sens li: “Lanqas ma hi minnha l-allegazzjoni mill-iktar serja li l-Gvern qiegħed iwaddab fl-istess basket kawżi li jdumu ma’ proċeduri sempliċi sabiex b’xi mod jirreġistra titjib artifiċjali. Il-metodoloġija li tintuża fil-ġbir ta’ statistika li titgħadda lill-istituzzjonijiet Ewropej ma vvintahiex il-Gvern imma hija waħda uniformi li tintuża mis-47 stat membru tal-Kunsill tal-Ewropa, u ilha tintuża dejjem minn pajjiżna taħt id-diversi Gvernijiet. Il-Kummissjoni Ewropea, min-naħa tagħha, ukoll tuża din il-metodoloġija u kien biss il-Kap tal-Oppożizzjoni li pprova jitfa’ xi dubju b’mod għal kollox irresponsabbli.”
Dwar dan Adrian Delia osserva li Owen Bonnici mkien ma ċaħad dak li qal hu fis-sens li qiegħed isir hekk. Ċioè, per eżempju, li l-kawżi tad-divorzju qegħdin jidħlu fl-istess qoffa mal-kawżi ta’ separazzjoni u mbagħad tinħadem l-media. Il-Ministru qal li l-Unjoni Ewropea hekk tagħmel u anke l-Gvern hekk jagħmel. Dan ifisser li hu qiegħed jaqbad kawża li ddum medja ta’ ħames snin (bħal kawża ta’ separazzjoni) imbagħad jaqbad kawża ta’ divorzju (li hi meqjusa ukoll bħala kawża) iżda li ddum ftit xhur biss, jgħodd it-tnejn f’daqqa u ovvjament il-media tad-dewmien tonqos.
“Ma tridx tkun professur biex tinduna x’qiegħed jagħmel il-Ministru Bonnici. Minkejja li qiegħed jagħmel dan, xorta waħda fil-Qorti tal-Familja ma hux jagħmel suċċess għaliex il-kawżi qegħdin jieħdu aktar żmien biex jiġu deċiżi milli kienu jieħdu fl-2012 u qegħdin jiġu deċiżi ferm inqas kawżi milli kienu jiġu deċiżi fl-2012,” qal Adrian Delia.
F’parti oħra tal-istqarrija tiegħu l-Ministru Owen Bonnici qal li: “Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkritika l-fatt li l-Maġistrati li qed jikkonduċu l-inkjesti ewlenin huma wkoll inkarigati minn diversi kawżi oħra.
“Dr Delia jaf li skont il-prinċipji kardinali tas-saltna tad-dritt, mhuwiex il-Gvern li jassenja x-xogħol u d-doveri tal-ġudikanti, iżda l-Prim Imħallef. Jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jipproponi li jiddawwar l-arloġġ lura u jkun il-Gvern u mhux il-Prim Imħallef li jassenja d-doveri, allura minn issa l-Gvern qed jagħmilha ċara li ma jaqbilx ma din il-proposta rigressiva.”
Dwar dan Adrian Delia enfasizza bil-qawwa kollha li ħadd ma qal li l-Partit Nazzjonalista jrid li s-sistema tmur għal kif kienet fi żmien Duminku Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici.
Fakkar kif kien il-Partit Nazzjonalista li biddel is-sistema għal kif inhi llum. “Jien nenfasizza li meħtieg li jkunu inkarigati aktar Magistrati, ħalli l-Prim’ Imħallef ikollu aktar Maġistrati biex ikun jista jqassam aktar ix-xogħol importanti li dawn jagħmlu u b’hekk ukoll ikun hemm aktar Maġistrati biex l-inkjesti li hemm dwar l-uffiċjali għolja tal-Gvern jitlestew aktar malajr u mhux inħallu s-sistema kif inhi fil-preżent bil-Maġistrati li qegħdin iwettqu dawn l-inkjesti kontra l-għola uffiċjli tal-Gvern jkomplu jergħqu fix-xogħol tagħhom li jisimgħu u jiddeċiedi kawżi oħra ukoll.
“Ovvja li l-Gvern ma għandux interess li jeħles dawn l-inkjesti għax kieku jaħtar aktar Magistrati, jagħti l-għodda lill-Prim Imħallef u l-Prim Imħallef jassenja hu,” spjega Adrian Delia.
Skont rapporti fil-media lokali, fil-jiem li ġejjin sejrin jinħatru tlett Maġistrati ġodda u dawn biex jagħmlu tajjeb għat-tlett Maġistrati eżistenti li sejrin jinħatru Mħallfin.
Mela allura, kompla Adrian Delia, in-numru tal-Maġistrati se jibqa’ l-istess kif inhu llum. Jgħid x’jgħid il-Ministru Bonnici dwar dan, dawn huma fatti li ma tistax tmerihom.
“Il-Qorti tal-Maġistrati hi Qorti importanti ħafna għaliex fiha hemm eluf ta’ nies li qegħdin jistennew biex il-każijiet tagħhom jkunu deċiżi malajr kemm jista’ jkun u mhux inħallu s-snin jgħaddu, dak li jkun ibiddel ħajtu, jibni familja u mbagħad wara s-snin jingħata s-sentenza bil-konsegwenzi kollha li din taf iġġiblu f’ħajtu f’dak il-waqt.”
Il-Maġistrati bħalissa huma mgħobbijin ħafna b’kawżi u inkjesti u l-Gvern ma hu jagħmel assolutament xejn biex jagħti l-għodda neċessarja lill-Prim’Imħallef biex dan ma jibqax u biex in-nies jkollhom Ġustizzja effettiva u bla dewmien.
Hawnhekk tkellimna dwar dak li qal Owen Bonnici fis-sens li: “Il-Gvern hu mpenjat li b’għaqal ikompli jżid l-effiċjenza fis-settur ġudizzjarju, anke b’ħatriet ta’ iktar ġudikanti, biex inkomplu niksbu riżultati pożittivi. Hu jfakkar li wara riforma kostituzzjonali maġġuri li saret fl-aħħar leġiżlatura, ħatriet għall-ġudikatura issa jistgħu jsiru biss u unikament wara li persuna tgħaddi minn skrutinju quddiem kumitat kompletament indipendenti u awtonomu.”
Dwar dan Adrian Delia qal li ma hu minnu xejn li l-Gvern hu impenjat biex inaqqas il-kawżi. L-istatistika tal-Ministeru għall-Ġustizzja stess turi kemm dan mhux veru qiegħed iseħħ.
Hu minnu li issa l-persuni jgħaddu minn skrutinju quddiem il-Kumitat dwar Ħatriet fil-Ġudikatura, imma xorta waħda hu l-Ministru li jgħid lil individwu biex japplika u allura eventwalment ikunu dawn il-persuni, jekk jgħaddu, li jintgħażlu minnu. Mela allura, xorta waħda l-għażla għada f’idejn il-Ministru, b’dan illi issa hemm dan il-Kumitat li jiddeċiedi dwar l-eligibilita tal-individwu li jkun applika għax ikun qallu l-Ministru. Dan huwa evidenti bil-ħatriet li sejrin isiru fil-jiem li ġejjin.
Adrian Delia kompla jispjega li la l-Ministru Owen Bonnici għażel it-triq li jkompli jipprova jinganna lin-nies, allura tajjeb li wieħed jagħmel eżerċizzju b’reqqa tal-istatistika dwar dak li ġara fl-2012 li hi l-aħħar sena kompluta minn Gvern Nazzjonalista u jqabbilha ma’ dak li ġara fl-2017 li hi l-aħħar sena ta’ statistika kompluta minn Gvern Laburista.
Dak li jirriżulta minn dan ix-xenarju hu li filwaqt li fl-2012 daħlu 954 kawża iżjed milli daħlu fl-2017, fis-sena 2017 kienu deċiżi 556 kawżi anqas milli kienu deċiżi fl-2012. Il-Kap Adrian Delia semma’ ukoll li dan il-fatt, u ċioè li fl-2017 ġew deċiżi 556 kawża inqas milli kienu deċiżi fl-2012 seħħ minkejja l-introduzzjoni fl-2016, mill-Ministru Bonnici tas-sistema tal-Court Attorneys. Dawn, skont il-Ministru Bonnici, kellhom jgħinu lill-Imħallfin biex jaqtaw aktar kawżi!
B’mod pożittiv, irriżulta li l-kawżi pendenti fil-Qorti fl-2017 naqsu mill-2012 b’1,828. Imma dan il-fattur ta’ tnaqqis ġara ukoll minħabba li fl-2017 kien hemm 954 kawża inqas li daħlu milli fl-2012.
Jirriżulta wkoll li l-kawżi damu inqas biex ikunu deċiżi fl-2017 mill-2012 b’medja ta’ madwar 174 jum. Kien hemm dan it-tnaqqis fl-2017 ukoll, l-għaliex kif diġà ngħad, fl-2017 daħlu 954 kawża inqas u allura l-Imħallfin kellhom inqas kawżi quddiemhom x’jisimgħu. Minkejja dan, xorta waħda l-qtugħ tal-kawżi ma żdiedx b’kemm kellhu jiżdied.
Dejjem skont ċifri uffiċjali meħuda mis-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja stess, jirriżulta li fil-Qorti Kostituzzjonali fl-2017 daħlu 23 kawża aktar milli kienu daħlu fl-2012. Fl-2017 kienu deċiżi erba’ kawżi aktar milli kienu deċiżi fl-2012. Iżda l-ammont ta’ kawżi pendenti quddiem din il-Qorti fl-2017 żdied bi 22 mill-2012. Dan ifisser aktar dewmien.
Jirriżulta wkoll li l-clearance rate tal-Qorti Kostituzzjonali fl-2017 naqas bi sbatax fil-mija milli kif kienet fl-2012. Anki ż-żmien li ddum kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali żdied b’73 jum mill-2012.
Dan kollu, kompla Adrian Delia, ifisser li mhux veru li l-Gvern qiegħed jara kif jagħmel biex f’din il-Qorti jitnaqqas iż-żmien li kawża ddum biex tkun deċiża.
Jirriżulta bl-aktar mod ċar li filwaqt li fl-2012 kawża quddiem il-Qorti Kostituzzjonali kienet tkun deċiża fi żmien sena u tlett xhur, fl-2017 kawża bdiet tieħu sena u sitt xhur… media ta’ tlett xhur aktar.
Adrian Delia għadda biex spjega s-sitwazzjoni fil-Qorti tal-Appell Ċivili Superjuri fejn ukoll hemm problemi serji ħafna.
Spjega li fl-2017 daħlu seba’ kawżi iżjed milli kienu daħlu fl-2012.
B’mod pożittiv, fl-2017 kienu deċiżi 202 kawżi iżjed milli kienu deċiżi fl-2012, iżda l-ammont ta’ kawżi pendenti quddiem din il-Qorti żdied b’ 430 mill-2012. Għal darb’ oħra dan ifisser aktar dewmien għan-nies biex jieħdu Ġustizzja.
Anke l-ammont ta’ kawżi mhux appuntati żdied. Filwaqt li fl-2012 kien hemm 820 kawża mhux appuntata, fl-2017 kien hemm 1,265 kawża mhux appuntata. Mela b’kollox, jekk ngħoddu l-ammonti, fl-2017 hemm 430(1,420-990) kawża pendenti iżjed milli kien hemm fl-2012.
Ta’ min jinnota li l-clearance rate tal-Qorti tal-Appell fl-2017 żdiedet bi kważi d-doppju milli kif kienet fl-2012, iżda minkejja dan, Adrian Delia enfasizza li l-ammont ta’ kawżi pendenti quddiem din il-Qorti qiegħed jiżdied b’rata allarmanti kif fil-fatt intwera hawn fuq. Żieda ta’ 430 kawża.
Tkellimna wkoll dwar is-sitwazzjoni fil-Prim’Awla tal-Qorti u l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li mill-istatistika uffiċjali tal-Ministeru jirriżulta li
l-affarijiet baqgħu l-istess bħalma kienu fl-2012 għalkemm issa hemm il-Court Attorneys jgħinu lill-Imħallfin ta’ din il-Qorti fit-tħejjija tas-sentenzi. Anzi biex inkunu qegħdin ngħidu kollox ir-rata ta’ qtugħ ta’ kawżi fil-Prim’Awla naqset b’wieħed fil-mija meta suppost bil-Court Attorneys din splodiet ‘il fuq.
Hu temm li jekk għal mument wieħed jieqaf hawnhekk fir-rigward tal-analiżi tal-istatistika allura l-konklużjoni hi waħda u ċioè li l-Ministru qiegħed jinganna bin-nies għaliex in-nies qed isofru minn aktar dewmien u din iġġib magħha ħafna tbatijiet bla bżonn.
In-nies jeħtieġ li tingħata l-Ġustizzja… xi ħaġa ferm fundamentali li fil-verità ma hix tingħatalhom. Il-Ministru Bonnici jista’ jgħid li jrid bil-kliem u jgħodd kollox f’daqqa, kif fil-fatt iħobb jagħmel biex jagħti stampa li n-numru ta’ kawżi qiegħed jonqos, iżda meta tieħu l-fatti waħedhom, Qorti Qorti, fatti meħudin mis-sit elettroniku tal-Ministeru tiegħu stess, dawn juru li s-sitwazzjoni sejra għall-agħar u li fil-ħames snin li ilu jmexxi dan il-Ministeru għamel ftit li xejn biex tejjeb is-sitwazzjoni għan-nies biex jieħdu Ġustizzja f’waqtha.
//= $special ?>