Il-President Sirjan, Bashar al-Assad, qal li l-Armata tas-Sirja għandha tieħu lura l-kontroll tat-territorji tat-Tramuntana bil-forza, f’każ li r-ribelli f’dawk l-inħawi ma jċedux u jiddeċiedu li jkomplu fit-triq tar-reżistenza.
Assad qal dan waqt intervista mal-istazzjon televiżiv Russu NTV u wara li l-Gvern f’Damasku qal li ma jaċċettax il-preżenza ta’ qawwiet Torok u Amerikani madwar il-belt ta’ Manbij. Ir-reazzjoni mill-Gvern Sirjan kienet magħrufa jum wara li s-suldati tal-Istati Uniti u t-Turkija kienu bdew jagħmlu r-ronda f’dik iz-zona, fin-naħa ta’ fuq tas-Sirja.
‘Għandna żewġ toroq quddiemna…L-ewwel u l-aktar waħda importanti hi r-rikonċiljazzjoni u t-tieni għażla hi li l-qawwiet tal-Gvern jattakkaw lit-terroristi f’każ li dawn ma jċedux u jibqgħu jirrifjutaw il-paċi’.
Assad kompla li l-Armata tiegħu tinsab lesta biex timponi l-kontroll ‘bil-forza’ fuq it-Tramuntana tas-Sirja anki jekk din tista’ ma tkunx l-aħjar għażla għall-Gvern. Dan meta gruppi tar-ribelli appoġġjati mit-Turkija għadhom qed jikkontrollaw territorji f’dik il-parti tal-pajjiż.
Il-President Assad, qabel, kien wiegħed biex ikeċċi lir-ribelli ‘anki’ mill-inħawi tas-Sirja lejn in-Nofsinar. Intant, l-Armata Sirjana, jiem ilu, spiċċat tattakka bil-barrel bombs lill-ibnadi lejn il-Lbiċ tas-Sirja li huma taħt il-kontroll tal-Oppożizzjoni.
//= $special ?>

