Lokali

Kastilja rrabjata għall-President ta’ Malta

F’Kastilja hemm rabja għad-dikjarazzjoni maħruġa mill-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dwar l-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni fejn bla tlaqliq tenniet li ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern u li hi kellha tiffirma din il-Liġi għaliex kienet kostretta li tagħmel dan.

Jekk ir-relazzjonijiet bejn Kastilja u l-Palazz tal-President diġà ma kenux meqjusa bħala l-aqwa possibbli, issa b’din id-dikjarazzjoni kuraġġuża tal-President ta’ Malta l-affarijiet komplew jitgħarrqu. Kastilja stenniet u ppretendiet li jekk il-President ma kenitx taqbel mal-emendi għal din il-Liġi, setgħet ħalliet Malta għal ftit tal-jiem u l-emendi kien jiffirmahom ħaddieħor.

Iżda l-kuraġġ tal-President Marie-Louise Coleiro Preca mar lil hinn milli mistenni minn Kastilja għaliex mhux biss iffirmat hi din il-Liġi emendata, iżda spjegat il-pożizzjoni tagħha bi stqarrija li fiha tiċċara għal darb’oħra li hi ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern għaliex l-emendi mressqa mill-Gvern jittrattaw l-embrijuni bħala oġġett u jpoġġihom f’riskju.

Kastilja qieset l-istqarrija tal-President bħala waħda żejda u bla bżonn… konxja mill-fatt li din kienet u hi ta’ ħsara kbira lill-portafoll u lid-dehra ta’ Joseph Muscat li jrid jibqa’ jġorr tali dikjarazzjoni. Kien hemm min interpreta din id-dikjarazzjoni tal-President ta’ Malta bħala tpattija diretta lil Muscat li erba’ snin ilu tajjarha mill-Kabinett tal-Ministri u neħħiha minn xkiel ma’ saqajh.

Hu sigriet magħruf li bejn Kastilja u l-Uffiċċju tal-President ta’ Malta ma tantx hemm kemistrija pożittiva, u għal Kastilja l-President hi biss figura għaċ-ċerimonji u xejn aktar.

Jekk Kastilja kienet internament ħarxa fil-konfront tal-pożizzjoni tal-President ta’ Malta, nistgħu niżvelaw li kien hemm reazzjonijiet imħallta fi ħdan il-Grupp Parlamentari Laburista u anki fost faxex diversi fl-istess Partit.

Kien hemm bosta fil-Grupp Parlamentari, inkluż fil-Kabinett tal-Ministri, min diskretament kellu kliem ta’ tifħir għall-kuraġġ tal-President, u kien hemm min assigura li jikkomunika dan anki ma’ terzi qrib l-Uffiċċju tal-President stess.

Dawn sostnew li huma dejjem kienu kontra l-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat u Kastilja dwar dawn l-emendi li mhux tassew iħarsu l-ħajja sa mill-bidu tagħha. Iżda fil-Parlament ma setgħux jesprimu l-ħsibijiet tagħhom għar-raġuni li Muscat ma fdahomx b’vot ħieles kif għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta lill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista tah il-free vote dwar tema daqstant sensittiva.

Fost dawk li ammiraw ukoll il-kuraġġ tal-President Marie-Louise Coleiro Preca kien hemm dawk involuti fit-Tmexxija tal-Partit Laburista li kienu diġà diżappuntati bil-kbir li Muscat ma ddiskutiex din il-kwistjoni fl-Eżekuttiv tal-Partit. Dwar dan il-mument fil-ġimgħat li għaddew irrapportat fid-dettal f’numru ta’ okkażjonijiet u żvelajna wkoll kif Muscat kellu ħafna għaġġla biex tali Liġi tfittex tidħol fis-seħħ qabel mal-Parlament jaġġorna għall-vaganzi tas-sajf.

Dawk internament fil-Partit Laburista li huma kontra Muscat fir-rigward ta’ dawn l-emendi mhux imwiegħda fil-Programm Elettorali Laburista, sostnew li Kastilja naqset bil-kbir fil-konfront tal-President meta din inġiebet dahra mal-ħajt u kienet kostretta tiffirma l-Liġi l-ġdida mressqa mill-Gvern dwar l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni u tiddikjara li hi ma taqbilx mal-pożizzjoni tal-Gvern għaliex l-emendi jittrattaw l-embrijuni bħala oġġetti u jpoġġihom f’riskju.

Il-President ta’ Malta qalet li hi kienet kostretta tiffirma l-Liġi tal-Embrijuni b’lealtà biss lejn il-Kostituzzjoni, u ddikjarat ukoll li: “Napprezza b’qalbi kollha l-kontribut li s-soċjetà ċivili tat f’dawn id-diskussjonijiet u nifhem it-tħassib ta’ xi wħud minnhom dwar diversi kwistjonijiet etiċi, morali, soċjali, psikoloġiċi u legali.”