Il-President Emeritus Ugo Mifsud Bonnici ddikjara li kieku kien hu, kien jippreferi jirriżenja milli jiffirma liġi li tmur kontra l-kuxjenza tiegħu.
Hu kien qed jirreaġixxi mal-gazzetta Illum, ftit tal-jiem wara li l-President Marie Louise Coleiro Preca ddikjarat li se tapprova l-emendi għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, kif proposti mill-Gvern, u li fost l-oħrajn jinkludu wkoll l-iffriżar tal-embrijuni.
Coleiro Preca ddikjarat li ffirmat dan l-Att b’lealta’ lejn il-Kostituzzjoni,” fl-istess waqt madankollu li ċċarat li “din id-deċiżjoni mhix kompromess etiku mal-fehmiet sodi tiegħi u mal-valuri personali tiegħi dwar il-ħajja umana, il-familja u l-ġid sħiħ tat-tarbija mnissla.”
Min-naħa tiegħu, meta mistoqsi x’kien jagħmel, Ugo Mifsud Bonnici ddikjara li kien jippreferi jirriżenja milli jiffirma liġi li fi kliemu hi inaċċettabbli. Iddikjara wkoll li hu dejjem mexa’ mal-kuxjenza tiegħu, dwar dak li ħass li hu tajjeb, tant li kien għamilha ċara qabel ħa l-ħatra li kieku ntalab jiffirma għall-piena tal-mewt, kien jirriżenja.
Min-naħa tiegħu, il-predeċessur ta’ Marie Louise Coleiro Preca, George Abela, iddikjara li jippreferi ma jikkummentax għax iħoss li ma jkunx prudenti li jagħmel dan.
Il-membri tal-Oppożizzjoni, li ngħataw free vote, ilkoll ivvutaw kontra l-emendi mressqa mill-Gvern b’għaġġla u minkejja l-appelli li saru minn diversi għaqdiet tas-soċjetà ċivili u l-pubbliku inġenerali.
//= $special ?>