L-Ingilterra aċċertat mill-kwalifikazzjoni mal-aħħar 16 wara li ġabet fix-xejn lil Panama b’rebħa kbira ta’ 6-1. B’dan ir-riżultat għaddew ukoll il-Belġju u issa jkun il-konfront bejniethom li jiddeċiedi min se jirbaħ il-grupp.
Bidu tajjeb għall-Ingliżi li fetħu l-iskor wara tmien minuti. Kien korner ta’ Kieran Trippier mil-lemin, b’JOHN STONES jitħalla waħdu u b’daqqa ta’ ras għeleb lil Jaime Penedo. Reazzjoni mill-Panama li fis-16-il minuta resqu qrib b’xutt ta’ Edgar Barcenas minn barra l-kaxxa li għadda ftit barra.
L-Ingilterra rdoppjat fit-22 minuta meta r-referee Eġizzjan ordna penalty għal fawl fuq Jesse Lingard. Mill-11-il metru, HARRY KANE spara wara Penedo b’penalty perfett. L-iskor sar 3-0 fis-36 minuta meta JESSE LINGARD ħabbat il-ballun ma’ Raheem Sterling u skorja ġmiel ta’ gowl b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa.
Aktar gowls komplew ġejjin fl-40 minuta. Reġa’ kien JOHN STONES li skorja b’daqqa ta’ ras mir-rebound wara li Penedo kien salva parzjalment daqqa ta’ ras ta’ Sterling minn free-kick. L-Ingilterra għalqet it-taqsima bil-ħames gowl. Reġa’ kien HARRY KANE li skorja minn penalty ieħor wara fawl li sar fuqu stess.
Ir-ritmu tal-logħba naqas fit-tieni taqsima iżda xorta ġew skorjati aktar gowls. L-iskor sar 6-0 fit-62 minuta, b’xutt ta’ Ruben Loftus Cheek ikun imxellef minn HARRY KANE u jispiċċa fix-xibka.
Il-Panama rnexxielha tiskorja l-ewwel gowl tagħha fil-fażi finali fit-78 minuta. Kien free-kick mix-xellug, bil-veteran FELIPE BALOY imattar b’siequ biex jegħleb lil Jordan Pickford.
//= $special ?>