Lokali

Zammit Lewis jistenna li jkun Ministru flok Carmelo Abela

L-allegat abbuż dwar ħaddiema tal-Gvern li bnew veranda fir-residenza privata tal-Ministru Carmelo Abela kellha twassal biex l-istess Carmelo Abela jwarrab mill-kariga pubblika li jokkupa, u jpoġġi lilu nnifsu għal skrutinju serju.

Hekk titlob is-serjetà u l-integrità u hekk kien mistenni. Iżda għall-Gvern ta’ Joseph Muscat dan kollu ma jgħoddx u Carmelo Abela Ministru tal-Affarijiet Barranin kien, u Ministru tal-Affarijiet Barranin għadu.

Anqas il-Prim Ministru Joseph Muscat ma kellu l-ħila quddiem jieħu l-passi mistennija u jġiegħlu jirriżenja sakemm din is-sħaba u dell tqil tkun investigata u skont l-eżitu tagħha jipproċedu l-affarijiet.

Fid-dawl ta’ dan kollu tissokta r-rabja ta’ Membri Parlamentari Laburisti li Kastilja ma hix timxi sew fil-konfront tagħhom għaliex kien evidenti u mill-aktar naturali li wara dak żvelat dwaru, Carmelo Abela messu dabbar rasu waħdu jew ddabbritlu rasu.

Fost dawk li stennew dan kollu, hemm l-eks-Ministru Edward Zammit Lewis li llum hu back-bencher fil-Grupp Parlamentari Laburista jistenna b’ħerqa kbira li jerġa’ jsib postu fil-Kabinett ta’ Muscat.

Edward Zammit Lewis stenna li wara dak żvelat dwar Carmelo Abela, dan kellu jitneħħielu l-portafoll ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin u skont hu, Muscat kellu r-raġuni (skuża) naturali biex jaħtar lilu f’din il-kariga.

Anki terzi viċin l-istess Edward Zammit Lewis tkellmu f’dan is-sens u kien hemm min saħansitra kien diġà beda jippjana kif se jirritorna fil-Ministeru tal-benjamin tiegħu. Iżda s’issa Edward Zammit Lewis għadu b’xiber imnieħer.

Edward Zammit Lewis ma jddejjaqx jgħid li wara li kien hu li deher ikrah minħabba fl-Air Malta, bir-riżultat li ma kienx elett mill-ewwel fl-Elezzjoni Ġenerali ta’ sena ilu; sa issa għadu mingħajr portafol.

Edward Zammit Lewis spiss jilmenta li jekk jibqa’ barra mill-Kabinett lanqas joħroġ għall-elezzjoni li jmiss għax: “Dażgur, għax jien mhux Konrad!”

Sa ftit tal-ġimgħat ilu lil Edward Zammit Lewis kienu qed jgħidulu biex joħroġ għal MEP biex jagħlqulu ħalqu iżda hu jidher li ma jridx għaliex jingħad li diġà spiċċa mingħajr paga ta’ Ministru u tilef ħafna klijenti. “Tal-Air Malta għamlitli wisq ħsara fil-professjoni,” isostni l-eks-Ministru li għadu jistenna ministeru.

Il-pressjoni ta’ Edward Zammit Lewis u dawk ta’ madwaru hi li l-Prim Ministru jmessu jaf tajjeb li hu dejjem kien leali u viċin tiegħu u ta’ martu, u “għalhekk il-Prim għandu jagħmel it-taqlib meħtieġ fi ħdan il-Kabinett biex hu jerġa’ jirritorna bħala Ministru… u issa dak żvelat dwar il-Ministru Carmelo Abela joffri okkażjoni mill-aktar propizja.”