Lokali

Anthony Agius Decelis jgħid li ċ-ċaqlieq hu “fl-interess tagħhom”

Għas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis, iċ-ċaqlieq ta’ madwar 120 anzjan u anzjana mill-Isptar Monte Carmeli għal residenza privata f’Tas-Sliema qed isir fl-interess ta’ saħħet l-anzjani stess.

U dan minkejja li wħud mill-anzjani milquta jbatu mill-kundizzjoni tad-dimensja u għalhekk jaf ikollhom riperkussjonijiet fit-terapija li jkunu għaddejjin minnhom.

Iżda għas-Segretarju Parlamentari Agius Decelis, dan kollu qed isir fl-interess ta’ saħħithom. Hekk wieġeb għal mistoqsija ta’ NET News meta mistoqsi fi tmiem attività fir-Residenza San Vinċenz de Paule.

Kien il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali u l-Kura fil-Komunità Mario Galea, li waqt il-programm NET Live saħaq li dan iċ-ċaqlieq sar mingħajr l-ebda komunikazzjoni mar-residenti, qrabathom jew il-konsulenti responsabbli minnhom. Iżda dan il-fatt kien miċħud mis-Segretarju Parlamentari, li qal li saru l-laqgħat meħtieġa.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Mario Galea kien innota l-fatt li bl-azzjoni tiegħu, il-Gvern se jċaqlaq anzjani li ilhom fl-ambjent tagħhom għal dawn l-aħħar 10 snin. Hu kkwota studji akkademiċi li juru li rilokazzjoni sfurzata ta’ anzjani joħloq fihom stat ta’ konfużjoni, b’mod partikolari dawk li jbatu mid-dimensja.

Mario Galea talab ukoll l-intervent tal-Kummissarju għall-Anzjani u tal-Ombudsman għas-Saħħa biex jinvestigaw din id-deċiżjoni għall-ġid tal-anzjani milquta.