Lokali Qorti

Daqqa ta’ ħarta lill-Ġustizzja: Il-Grupp Reżistenza Malta iwaħħal banner mal-Qorti

Ritratt: Reżistenza Malta

“Issa, aktar minn qatt qabel, aħna pajjiż ta’ żewġ tribujiet, fejn ir-rebbieħ jieħu kollox u jiggverna fl-interess esklussiv ta’ dawk li jiffurmaw parti mit-tribu tiegħu. Malta għandha nuqqas serju ta’ persuni f’pożizzjonijiet sensittivi li għandhom l-interess nazzjonali tassew għal qalbhom u r-rieda li jagħmlu dak li hu sew.  Ma nistgħux ma nistaqsux jekk il-ġustizzja f’Malta tallum hijiex tassew għamja”

Dikjarazzjoni qawwija mill-grupp Reżistenza Malta fi stqarrija ikkritikat bl-aħrax l-aħħar sensiela ta’ ħatriet fil-ġudikatura. Matul il-lejl li għadda, il-grupp waħħal banner juri lill-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici jagħti daqqa ta’ ħarta lill-figura tal-Ġustizzja.

Il-grupp jistaqsi liema raġuni leġittima seta’ kien hemm sabiex tkun aċċettata l-promozzjoni tal-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera għal Imħallef wara li sena qabel, talba identika kienet ġiet irrifjutata mill-Judicial Appointment Committee. Ir-raġuni għaċ-ċaħda baqgħat invarjata. L-uniċi avvenimenti sinjifikanti li seħħew minn dakinhar sallum kienu l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u l-irtirar tal-Prim Imħallef Silvio Camilleri.

Il-grupp qal li għal darb’oħra huwa evidenti li l-liġi qegħda tintuża sabiex jinkiser l-ispirtu tagħha stess f’każijiet fejn l-eżitu ma jkunx favorevoli għall-gvern u l-aġenti tiegħu. Il-maskra waqgħat u l-wiċċ ta’ dan ir-reġim issa jista’ jarah kulħadd. “M’huwiex il-wiċċ tad-demokrazija. Is-sitwazzjoni hija tassew iddisprata. In-Nazzjon tagħna jixraqlu ferm aħjar,” temm Reżistenza Malta.