Lokali

FILMAT: Francis Zammit Dimech b’kampanja favur iċ-ċiklisti

“L-UE hija assoċjata ma’ standards għoljin. Hu għalhekk li ċ-ċiklisti jistennew li l-korsiji tar-roti, speċjalment dawk fit-toroq iffinanzjati mill-UE, huma ta’ standard u jipprovdu rotta ta’ sikurezza għall-istess ċiklisti. Rajna biżżejjed imwiet fit-toroq tagħna. Huwa għalhekk li staqsejt lill-Kummissjoni Ewropea jekk hux qed tiġi ppjanata reviżjoni ta’ obbligi eżistenti għal korsiji tar-roti fi proġetti ffinanzjati mill-UE biex jiġi żgurat li toroq mibnija permezz tal-fondi tal-UE jkollhom infrastruttura adegwata taċ-ċikliżmu biex jiggarantixxu s-sikurezza fit-toroq għaċ-ċiklisti”.

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech għamel dawn ir-rimarki waqt sessjoni Live fuq Facebook ma’ numru ta’ ċiklisti fi Triq il-Kosta, proġett iffinanzjat mill-UE.

Zammit Dimech qal li matul dawn l-aħħar jiem kellu laqgħat mal-BAG u ċiklisti oħra li spjegaw li n-numru ta’ kawżalitajiet taċ-ċiklisti f’Malta qed jiżdied. Skont il-BAG, it-toroq imfassla ħażin qegħdin ipoġġu ċ-ċiklisti fil-periklu. F’każ reċenti, ċiklist inqatel fi triq ġdida mibnija permezz tal-fondi tal-UE. Dan wassal biex tqajjem tħassib li l-infrastruttura taċ-ċikliżmu fi proġetti ġodda ffinanzjati mill-UE qed tinżamm f’minimu assoluta biss biex tissodisfa l-obbligi, iżda naqset milli tassew tipprovdi triq sikura għaċ-ċiklisti. Zammit Dimech bagħat mistoqsija lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq it-tħassib taċ-ċiklisti.

Zammit Dimech qal li diversi ċiklisti u l-BAG tkellmu dwar in-nuqqas ta’ kuxjenza dwar is-sikurezza taċ-ċiklisti fit-toroq. Għal din ir-raġuni, Zammit Dimech nieda kampanja ta’ kuxjenza dwar iċ-ċikliżmu fejn iċ-ċiklisti se jkunu mħeġġa biex itellgħu ritratt fuq Facebook bir-rota tagħhom u jinkludu l-hashtag #RespectCyclists. Ta’ dan, il-parteċipanti se jirċievu ġakketta ta’ viżibilità għolja u ċinga relatata.

Zammit Dimech qal li anki jekk iċ-ċiklisti ġew imwiegħda Strateġija Nazzjonali dwar iċ-Ċikliżmu, hu nfurmat li sal-lum ma kien hemm l-ebda żviluppi. Huwa talab lill-gvern biex jippreżenta Strateġija Nazzjonali dwar iċ-Ċikliżmu mingħajr aktar dewmien. Huwa qal ukoll li ċ-ċiklisti kellhom jiġu kkonsultati kif dovut qabel ma ġew ippjanati l-proġetti u li kellha tittieħed azzjoni konkreta li tirrifletti l-proposti taċ-ċiklisti.