Kunsilli Lokali Lokali

Graziella Galea mhux ħatja li użat l-influwenza tagħha għal gwadann personali

L-eks Sindku eletta f’isem il-Partit Nazzjonalista f’San Pawl il-Baħar, Graziella Galea, ma użatx l-influwenza tagħha għal gwadann personali b’mod inġust.

Hekk iddeċieda l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali f’rapport wara li l-Ministru Owen Bonnici kien għamel talba għal investigazzjoni.

Dan hekk kif il-Bord tal-Governanza Lokali kien qal li l-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar kiser l-Att dwar il-Kunsilli Lokali u r-Regolamenti Finanzjarji marbuta ma’ dan l-Att.

L-allegazzjonijiet kontra dik li kienet is-Sindku tal-lokalità saru mill-Kunsilliera Laburisti, iżda fl-isfond tagħhom, ir-rapport tal-Awditur Ġenerali joħroġ ċar il-fatt li l-Kunsill Lokali ma kellux nies biżżejjed biex jaħdem, għalkemm imexxi lokalità b’aktar minn 23,000 resident.

L-Awditur Ġenerali innota kif meta kienet qed issir l-investigazzjoni, taħt it-tmexxija ta’ Graziella Galea, kien hemm biss Aġent Segretarju Eżekuttiv jaħdem b’numru limitat ta’ sigħat u li kien jiffoka biss fuq il-ħtiġijiet ta’ kuljum.

L-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qal li ma jaqbilx li kien hemm xi ksur tar-Regolamenti Finanzjarji, filwaqt li tenna li ħafna mill-allegazzjonijiet jitrattaw nuqqas amministrattiv li jħossu numru ta’ Kunsilli Lokali u li ilhom jinġibdu l-attenzjoni għalihom mill-Awditur Ġenerali nnifsu.