Lokali

Ħatra ta’ imħallfin u maġistrati li mhux mistennija ssolvi d-dewmien

Fil-Palazz tal-President saru l-ħatriet ta’ tliet Imħallfin u tliet Maġistrati ġodda. Madankollu, uħud minn dawn il-ħatriet kellhom isiru biex jimtlew postijiet oħrajn vakati u għalhekk, mhux mistennija jsolvu l-problema tad-dewmien fil-qtugħ tas-sentenzi.

It-tliet Imħallfin maħtura huma Anthony Vella, Consuelo Scerri Herrera u Grazio Mercieca, filwaqt li t-tliet Maġistrati maħtura huma Rachel Montebello, Simone Grech u Astrid Grima.

Il-ħatra ta’ Anthony Vella minn Maġistrat għal Imħallef ħalliet warajha kontroversja, hekk kif dan kien qed imexxi l-Inkjesta Maġisterjali wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan ifisser li l-Inkjesta dwar il-qtil tal-Ġurnalista issa trid titmexxa minn Maġistrat ieħor, bil-possibbiltà ta’ dewmien ġdid minħabba li l-Maġistrat Inkwerenti l-ġdid irid jerġa’ jsegwi dak li jkun inħareġ mill-Inkjesta li s’issa tmexxiet minn Anthony Vella.

Madnakollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma jarax li b’xi mod il-każ jista’ jieħu aktar fit-tul.

Sadanittant, anke l-ħatra ta’ Consuelo Scerri Herrera ġabet magħha kontroversja … mhux biss għax hi oħt il-Ministru José Herrera u s-sieħba tal-Konsulent tal-Gvern Laburista Robert Musumeci, iżda wkoll għall-fatt li l-ħatra tagħha diġà kienet miċħuda mill-Kumitat dwar il-Ħatriet fil-Ġudikatura.

Madankollu, għal xi raġuni, din l-istess nomina issa ġiet aċċettata, b’Muscat jgħid li ngħata l-parir biex in-nomina tagħha terġa’ tiġi ppreżentata mingħajr ma qal għaliex dan il-pass kellu jsir wara biss ftit xhur. Warajh, il-Ministru Owen Bonnici pprova jikkjarifika li l-Kumitat hu marbut b’segretezza.

Il-Partit Nazzjonalista diġà ddikjara t-tħassib tiegħu li dawn il-ħatriet mhux se jkunu biżżejjed biex tissolva n-nuqqas ta’ ġustizzja għal dawk li l-kawżi tagħhom jibqgħu għaddejjin għal snin sħaħ minħabba nuqqas ta’ Ġudikanti.

Dan hekk kif id-dewmien se jibqa’, ġaladarba uħud mill-ħatriet saru biss biex jieħdu post oħrajn li temmew il-kariga.

Barra minhekk, dawn il-ħatriet mhux mistennija jindirizzaw l-ammont ta’ xogħol li għadu pendenti fil-Maġistratura, fosthom l-Inkjesti relatati mal-każijiet ta’ korruzzjoni u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, sostna l-Partit Nazzjonalista.