Internazzjonali

Il-Messiku: Jarrestaw lill-pulizija kollha f’Ocampo

Il-pulizija kollha fil-belt Messikana ta’ Ocampo spiċċaw arrestati fuq suspett ta’ sehem fl-omiċidju ta’ politiku lokali li kien kontra l-korruzzjoni u li kien qed jipprova għall-kariga tas-Sindku.

Fernando Angeles Juarez, ta’ 64 sena, spiċċa maqtul jiem ilu minn persuni armati waqt li kien qiegħed barra r-residenza tiegħu u fejn sar it-tielet politiku li tilef ħajtu f’azzjoni vjolenti fl-Istat ta’ Michoacan, fi ftit aktar minn ġimgħa. Inqatlu ‘il fuq minn 100 politiku madwar il-Messiku li qed iħejji għall-elezzjonijiet ġenerali tal-Ewwel ta’ Lulju.

Intant, il-kontinġent ta’ 27 pulizija f’Ocampo u s-Segretarju lokali għas-Sigurtà Pubblika spiċċaw arrestati mill-qawwiet federali Messikani wara li pruvaw ifixklu l-arrest tas-Segretarju, Oscar Gonzales Garcia, li l-prosekuturi akkużawh dwar sehem fil-qtil ta’ Juarez.

Il-pulizija lokali, fi tmiem il-ġimgħa, kienu żammu lill-aġenti federali Messikani milli jarrestaw lil Garcia u dawn l-aġenti, wara, irritornaw f’Ocampo, flimkien mar-reinforzi, fejn arrestaw lill-pulizija kollha tal-belt, flimkien ma’ Garcia, li hu l-kap tagħhom.

Il-pulizija spiċċaw immanettjati u ttieħdu għall-interrogazzjoni, bil-prosekuturi qed jakkużaw lill-pulizija u Garcia dwar rabtiet mal-gruppi tal-kriminalità organizzata fl-Istat Messikan partikulari.

Fernando Angeles Juarez ma kellux wisq esperjenza politika iżda, bħala membru tal-Partit tar-Rivoluzzjoni Demokratika taċ-ċentru-xellug, iddeċieda li jikkuntesta għal Sindku ta’ Ocampo, meta fi kliem in-nies qrib tiegħu, ‘hu iddejjaq jara daqstant faqar, inugwaljanza u korruzzjoni fi ħdan is-soċjetà li hu kien jifforma parti minnha’.