Internazzjonali

Is-Sirja: Qawwiet tal-Gvern jitfgħu l-‘barrel bombs’ fuq Deraa

Ħelikopters militari tal-Gvern Sirjan waddbu l-barrel bombs fuq il-belt ta’ Deraa għall-ewwel darba f’sena. Dan meta l-qawwiet tal-President Bashar al-Assad kienu qed ikomplu bl-assalt attwali fl-artijiet lejn il-Lbiċ tas-Sirja.

Il-barrel bombs huma kontejners ippakkjati bl-isplussivi u l-ħelikopters, waqt l-attakk, anki waddbu fuljetti b’messaġġi lin-nies ta’ Deraa ‘biex huma jkeċċu lit-terroristi minn fosthom’.

Ir-reġjun hu wieħed sensittiv minn lat politiku minħabba li jinsab qrib ta’ Iżrael u l-Ġordan man-naħa l-oħra tal-fruntiera. L-inħawi ta’ Deraa huma anki suġġetti għal ftehim ‘għat-tnaqqis tal-konflitt’ li kien intlaħaq bejn l-Istati Uniti, il-Ġordan u r-Russja, li hi alleata prinċipali tal-President Sirjan, Assad.

Bashar al-Assad, illum, qed jjikkonċentra fuq iz-zoni Sirjani tal-Lbiċ wara li, aktar kmieni fis-sena, keċċa lir-ribelli mill-aħħar fortizzi tagħhom fil-Punent tas-Sirja, li jinkludu l-Lvant ta’ Ghouta u Damasku.

Sadanittant, uffiċjali tar-Russja qegħdin jittamaw li jiddiskutu dalwaqt l-iżviluppi fil-Lbiċ tas-Sirja ma’ John Bolton, il-Konsulent Amerikan dwar is-Sigurtà Nazzjonali. Ir-Russi qegħdin iħejju wkoll għal taħditiet simili u separati mal-Ġordan.