Is-summit tal-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni li fi Brussell naqas milli jipprovdi soluzzjonijiet għal kriżi li qed tħasseb lill-Ewropa kollha.
Il-Mexxejja ta’ pajjiżi affettwati mill-problema fil-preżent – fosthom Malta – qegħdin jaħdmu lejn politika li tista’ ittaffi l-kriżi umana iżda l-osservaturi jemmnu li soluzzjoni konkreta għadha ‘il bogħod u li ċ-ċirkustanzi jistgħu jissarrfu f’riperkussjonijiet politiċi għall-Istati affettwati.
Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, hi fost dawk li qed tkompli tfittex soluzzjoni Ewropea għall-immigrazzjoni. Merkel qed taħseb biex tiddiskuti l-kriżi ma’ mexxejja oħra tal-Ewropa, wara li hi stess ammettiet li l-Unjoni Ewropea naqset minn soluzzjoni konġunta għall-kwistjoni tal-immigranti li fost oħrajn qed thedded anki l-futur tal-Gvern Ġermaniż.
Għas-summit attenda wkoll il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat u fejn fl-aħħar jiem, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia għamilha ċara li l-Oppożizzjoni lesta tagħti l-appoġġ tagħha lill-Gvern biex is-sovranità u l-integrità ta’ Malta jkunu protetti peress li Malta għandha raġun fil-pożizzjonijiet li qed tieħu – ġaladarba fil-pożizzjonijiet tagħha Malta qed tirrispetta l-liġijiet internazzjonali.
Dan hekk kif fil-jiem li għaddew, l-Italja irrifjutat 630 immigrant fuq il-bastiment ‘Aquarius’ li, maż-żmien, ivvjaġġa bl-immigranti lejn Spanja. Bastiment ieħor bl-isem ‘Lifeline’, li hu mgħobbi b’230 immigrant ieħor, qed jiffaċċja futur inċert wara li l-Italja reġat irrifjutat il-permess biex jidħol fil-portijiet tagħha.
Filfatt, fis-summit il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte sejjaħ biex l-Unjoni Ewropea taqsam ir-responsabbiltà għall-immigranti li jkunu salvati u biex l-Unjoni timponi penali għall-pajjiżi-membri li jirrifjutaw il-kwoti tal-immigranti. Conte ppreżenta dokument fejn insista għat-twaqqif ta’ ‘ċentri ta’ protezzjoni’ għall-immigranti fi Stati oħrajn tal-UE bil-għan li jonqos il-piż fuq it-Taljani.
//= $special ?>