Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

L-MEP David Casa jitlob lill-Bord tal-Accountancy biex jirtira l-warrants ta’ Brian Tonna u Karl Cini

L-MEP David Casa talab lill-Bord tal-Accountancy biex isejjaħ kumitat dixxiplinarju biex jinvestiga l-imġiba ħażina minn Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT.

Fi stqarrija, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew stqarr: “Nexia BT hija l-Mossack Fonseca ta’ Malta. Brian Tonna u Karl Cini ilhom fiċ-ċentru ta’ korruzzjoni serja u ħasil tal-flus mill-2013. Huma kellhom rwol ewlieni f’kull rivelazzjoni tal-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus mid-dokumenti tal-Panama Papers kif ukoll fil-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet FIAU.

Fil-każ ta’ Pilatus Bank qed naraw il-ħsara kkawżata bħala riżultat tan-nuqqas tal-korpi regolatorji li kellhom jaġixxu kontra l-bank. L-operat kontinwu ta’ Nexia BT u b’mod partikolari l-fatt li Karl Cini u Brian Tonna għadhom jippossjedu l-warrants tagħhom, minkejja l-evidenza kbira kontra tagħhom, hija raġuni għal tħassib kbir u theddida għall-integrità tal-professjoni tal-accountancy”.

David Casa stieden lill-Bord tal-Accountancy biex jipproteġi l-integrità tal-professjoni tal-accountants u jibda l-proċess li jwassal għall-irtirar tal-warrants ta‘ Karl Cini u Brian Tonna.

Fl-ittra tiegħu, Casa elenkat l-evidenza kontra s-Sur Tonna u s-Sur Cini u ddikjara li kien lest li jippreżenta d-dokumenti u l-provi kollha fil-pussess tiegħu lill-kumitat dixxiplinarju.