Lokali Parlament

L-Oppożizzjoni ssaħħaħ l-appoġġ għal Malta u lesta tikkontribwxxi għat-titjib fir-relazzjonijiet mal-Italja

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia llejla reġà ta l-appoġġ lil Malta quddiem il-problema tal-immigrazzjoni fil-Mediterran u sostna li l-Oppożizzjoni lesta tgħin lill-Gvern Malti biex isaħħaħ ir-relazzjonijiet mal-Italja.

Din id-dikjarazzjoni l-Kap tal-Oppożizzjni għamilha fil-parlament wara stqarrija ministerjali mill-Prim Ministru Joseph Muscat dwar is-summit tal-UE dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran.

Il-Prim Ministru tkellem dwar is-summit tal-Unjoni Ewropea dwar l-immigrazzjoni fil-Mediterran u qal li hemm diverġenzi kbar fl-Ewropa dwar l-immigrazzjoni. Il-Prim Ministru sostna li hemm bżonn bidliet biex jinħoloq bilanċ bejn il-kriżi umanitarja u l-problema ta’ sigurtà.

L-awtoritajiet Libjani għandhom jingħataw l-opportunità li jwettqu xogħlhom. Fis-summit kien hemm diskussjoni dwar ir-rwol tal-għaqdiet volontarji waqt li l-problemi tal-MV Lifeline kienu wkoll diskussi. Fl-aħħar ġranet l-awtoritajiet Libjani salvaw 1,000 persuna b’operazzjonijiet ta’ salvataġġ.

Hemm pajjiżi fl-UE li ma jridux jikkoperaw quddiem din is-sitwazzjoni u għalhekk kien hemm qbil li l-pajjiżi li jaqblu jistgħu jikkoperaw bejniethom mingħajr l-appoġġ tat-28 membru. Il-Prim Ministru kompla li l-ikbar influss qed jinħass fi Spanja fejn qed jaslu persuni direttament mill-Afrika.

Dwar l-MV Lifetline hu qal li ntbagħtu iktar assistenzi minn Malta u anki kienet offruta assistenza medika. Il-Kaptan tal-vapur irrijfuta din l-assistenza medika mingħand il-Malta. Il-Prim Ministru qal li l-problema inħolqot mill-Kaptan tal-vapur li kiser ir-regoli internazzjonali. Malta tinsab miexja skont ir-reogli internazzjonali u se tkun kontra l-illegalitajiet anki jekk dawn ikunu ġejjin minn organizzazzjonijiet.

Il-Prim Ministru qal li kulħadd irid jqogħod għar-regoli u nnota l-attitudni matura tal-Kap tal-Oppożizzjoni quddiem din is-sitwazzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li din mhix problema li se tiġi u tmur. Din hi xi ħaġa li fiha, kif taġixxi Malta, hi ta’ prijorità. M’hemm l-ebda diżgwid bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni u l-Oppożizzjoni qed tkun solidali għaliex dan jirrifletti kif taġixxi Malta. Fin-nfos hemm il-ħajja tal-persuni li dwarhom tista’ tinħoloq kriżi. Din hi problema tal-Mediterran u tal-Ewropa.

Ikun għajb jekk ikun hawn min jinstiga li din tkun probema bejn Malta u l-Italja. L-Opożizzjoni se tagħmel il-parti tagħha biex ir-relazzjonijiet tant tajbin bejn Malta u l-Italja ma jkunux imxekkla minħabba l-azzjonijiet ta’ terzi. Il-pajjiż jibqa’ jħares il-liġijiet internazzjonali u l-pajjiż jibqa’ jagħmel dak kollu biex isalva l-ħajjiet umani. Is-sitwazzjoni hi delikata u teffwa l-ħajjiet tan-nies. L-Oppożizzjoni se tkun mal-Gvern f’dan it-tentattiv biex Malta turi li tosserva l-liġi u li fl-UE titkellem b’leħen wieħed.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil staqsa lill-Prim Ministru jagħti dettalji dwar il-pajjiżi li lesti joepraw weħidhom, dwar ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Italja u dwar l-għaqdiet volontarji.

Id-deputat Nazzjonalista Hemann Schiavone staqsa kemm hu preparat il-pajjiż għall-influss tal-immigranti u kemm il-pajjiż jiflaħ immigranti.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lill-Kap tal-Oppożizzjoni għall-attitudni li ħa u qal li l-għaqdiet volontarji mhux regolati iżda kulħadd irid jqogħod għar-regoli. Mhux aċċettabbli li jkun hemm dgħajjes li jagħmlu xogħol ta’ salvataġġ iżda huma reġistrati bħala pleasure boats.

Dawn il-vapuri ikunu bla pajjiż ta’ reġsitrazzjoni. Il-problema tal-Lifeline nqalgħet għaliex il-persuni fuq il-vapur kienu fl-ibħra taħt ir-responsabbiltà Libjana; li issa qed jirrispondu b’mod pożittiv. Dawn ċemplu liċ-ċentru ta’ Ruma li nformaw lil-Libjani biex joħorġu jsalvawhom. Il-Libjani wieġbu li se joħorġu għalihom iżda kien hemm vapur ta’ salvataġġ li qal li kien se jmur hu għalihom; kif fil-fatt għamel.

Dan sar biex l-immigranti jiddaħħlu fl-Erwopa. It-Taljani qalulhom li ma kinux se jdaħħluhohm fl-Italja u qalulhom ukoll biex imorru Malta. Il-vapur mhux reġistrat l-Olanda. Dan jista’ jwassal għal kriżi umanitarja. Ma jistax ikun li Malta taċċetta din is-sitwazzjoni fejn kulħadd jagħmel li jrid, sostna l-Prim Ministru, li kompla li jekk ikun hemm kriżi umanitarja jidħlu fis-seħħ regolamenti oħra fejn kulħadd irid iġorr ir-responsabbiltajiet tiegħu, inkluż il-Kaptan.

Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-relazzjonijiet mal-Italja u qal li ħafna mill-kliem ma ntlaqx mill-Gvern iżda minn individwi prominenti fi ħdan il-Gvern. Hu qal li kellu diskussjonijiet mal-Prim Ministru Taljan dwar is-sitwazzjoni.