Futbol Sport TAZZA TAD-DINJA 2018

L-Urugwaj tirbaħ Grupp A

Edinson Cavani jiċċelebra t-tielet gowl ma' Diego Godin (Ritratt: EPA)

F’Samara Arena f’dik li kellha tkun il-partita prinċipali minn Grupp A, l-Urugwaj għelbet u ddominaw lir-Russja sabiex rebħu l-grupp b’punti massimi u fl-istess waqt taw l-ewwel telfa lil pajjiż organizzattiv li iżda xorta għaddew għar-rawnd li jmiss.

Wara biss għaxar minuti l-Urugwaj marret fil-vantaġġ bi free-kick dirett ta’ LUIS SUAREZ wara fawl ta’ Gazinsky fuq Bentancur. Bir-Russja tonqos milli twettaq reazzjoni, fil-25 minuta l-iskor sar 2-0 permezz ta’ Diego Laxalt bil-ballun inkun imxellef minn Cheryshev.

Daqqa ta’ ħarta għar-Russja fis-36 minuta wara li Igor Smolnikov tkeċċa wara li ġie ammonit għat-tieni darba. L-andament matul it-tieni taqsima baqa’ l-istess bid-difiża tal-Urugwaj rari tkun taħt pressjoni.

L-Urugwaj għalet il-logħba bit-tielet gowl, b’EDINSON CAVANI jiskorja mir-rebound wara li Akinfeev kien salva parzjalment daqqa ta’ ras ta’ Diego Godin wara azzjoni ta’ korner.