Lokali Parlament

Liġi li ssaħħaħ is-settur tal-assigurazzjoni u l-protezzjoni tal-konsumatur

– Kristy Debono, PN

Fid-dbattitu parlamentari dwar diversi liġijiet dwar is-Servizzi Finanzjarji, id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li din il-liġi se ssaħħaħ is-settur tal-assigurazzjoni u tintroduċi iktar miżuri favur il-konsumatur.

Kristy Debono qalet li l-emendi mressqa huma leali lejn id-direttiva tal-UE fejn se jsir titjib fir-regoli fis-suq tar-retail insurance u se jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ negozju bejn pajjiżi diversi. Qed ikunu wkoll stabbiliti r-regoli biex ikun hemm kompetizzjoni iktar ġusta.

Bl-emendi se tissaħaħ il-protezzjoni għall-konsumatur. Din id-direttiva se ġġib tibdil pożittiv fir-reġistrazzjoni u se tinkludi rekwiżiti ġodda fl-iżvilupp internazzjonali fejn se jkunu introdotti rekwiżti minimi dwar l-għarfien u l-kompetenza. Il-pajjiż jista’ wkoll jagħmel rekwiżisti iktar stretti. Malta għandha fost l-aqwa talent fis-settur finanzjarju fosthom fis-settur tal-assigurazzjoni. Għalhekk l-investiment fis-settur uman hu vitali.

Id-direttiva fiha emendi oħr dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u tintroduċi wkoll miżuri dwar ir-rekwiżti tan-negozju dwar il-kondotta u l-informazzjoni fejn kull tip ta’ komunikazzjoni lill-konsumatur trid tkun ċara, ġusta u ma tqarraqx. Il-konsumatur għandu jkun informat dwar il-prodott.

Bid-direttiva hemm protezzjoni kemm għall-konsumatur kif ukoll għall-intermedjarju tal-assigurazzjoni. Il-potenzjal ta’ dan is-settur għadu ma ntlaħaqx, fejn hu meħtieġ li dan is-settur irid ikun iktar innovattiv u jsir iktar kompetittiv, sostniet Kristy Debono.